Lokali
Ħati li seraq b’€10,000 fi djamanti – iwiegħed li se jgħid lill-Pulizija lil min biegħhom

Carmel Azzopardi ta’ 55 sena mill-Imsida wieġeb ħati li bejn it-8 u l-10 ta’ Ġunju li għadda seraq b’€10,000 fi djamanti minn stabbiliment li ismu ma jistax jixxandar.

Quddiem il-Maġistrat Nadine Lia, il-Prosekuzzjoni qalet li l-akkużat ammetta l-akkużi miġjuba kontrih u qal li r-reat wettqu għax għandu l-vizzju tal-kokaina u djun.

L-avukati tal-parte ċivili esprimew ix-xewqa li Azzopardi ma jmurx il-ħabs iżda jroddilhom id-djamanti jew il-valur tagħhom fi flus. Dwar dan il-Pulizija qalet li s’issa m’għandhiex informazzjoni għand min għaddew dawn id-djamanti.

L-akkużat li diġà għamel programm ta’ riabilitazzjoni iktar minn 4 snin ilu wiegħed lill-qorti li għada se jgħid lill-Pulizija lil min biegħ id-djamanti.

Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest fosthom għax l-imputat ibati minn diversi kundizzjonjiet ta’ saħħa.

Il-Qorti ma laqgħetx it-talba u ordnat biex l-akkużat jibqa’ jinżamm arrestat. Madankollu talbet lill-awtoritajiet tal-ħabs biex jikkunsidraw saħħet l-akkużat.

Is-sentenza se tingħata l-ġimgħa d-dieħla.