Lokali
Ħati li ta daqqa ta’ ponn fuq l-għatba tal-qorti u qasamlu xofftejh

Kevin Attard ta’ 45 sena mill-Ħamrun ġie kkundannat sena ħabs sospiżi għal tliet snin u multa wara li nstab ħati li f’Marzu tas-sena li għaddiet ta daqqa ta’ ponn lil Brian Psaila u qasamlu xofftejh.

Il-każ seħħ fit-3 ta’ Marzu tas-sena l-oħra meta ż-żewġt irġiel kienu ħerġin mill-binja tal-Qorti. Il-vittma li kien qed jakkumpanja lil oħtu dwar kawża fil-konfront tal-akkużat, xehed li malli qabad it-taraġ tal-qorti, l-imputat qabadlu idu biex idawru lejh u fajjarlu daqqa ta’ ponn f’wiċċu.

Dan wara li lemħu jitkellem mal-avukat tiegħu u allega li kien qiegħed ikellmu dwar il-kawża u kienu qed jiftehmu l-affarijiet bejniethom.
Psaila xehed li dak il-ħin daħal jistkenn fil-Qorti u wara ċ-ċentru tas-saħħa tal-Furjana fejn sarlu żewġ punti fuq barra ta’ xofftejh u tlieta oħra fuq ġewwa wara li ċċartet man-nejba tiegħu stess. Huwa ġie ċċertfikat li ġarrab ġrieħi gravi.

Fid-deċiżjoni tagħha, il-qorti ppreseduta mill-Maġistrat Nadine Lia qalet li dan l-inċident seta’ jiġi evitat li kieku l-imputat żamm postu u kkontrolla mġibtu. Hija żiedet tiddeplora l-fatt li dan ir-reat sar fuq l-għatba tal-qorti, post li fi kliemha jesiġi li jingħatalu l-ikbar rispett.

Hija poġġietu wkoll taħt obbligazzjoni personali għall-perjodu ta’ sena taħt penali ta’ elf ewro.