Ambjent
Hawn inqas jew iktar bram f’Malta mis-snin ta’ qabel?

L-għawwiema din is-sena wisq probabbli li qed jirnexxielhom jiskansaw xi tniggiża minn xi brama. Dan minħabba li l-klima sħuna ta’ din is-sena wasslet biex il-qatgħet ta’ bram jidħol qabel beda l-istagun tal-għawm fil-gżejjer Maltin. Il-Professur Alan Deidun li jmexxi l-kampanja “Spot The Jellyfish” qal li bis-saħħa ta’ iżjed minn 3,000 rapport li saru mill-pubbliku, setgħet tinbena stampa aħjar tal-bram li hawn fil-gżejjer Maltin.

Dawk li jħobbu l-għawm setgħu josservaw li l-kwantitajiet ta’ bram din is-sena huma iżgħar mqabbla mas-snin imgħoddija, l-iżjed ma’ sentejn ilu. Il-Professur fl-Università ta’ Malta li jmexxi l-kampanja “Spot the Jellyfish” qal li r-raġuni għal dan il-fenomenu hi li Jannar u Frar kienu kkarratterizzati minn temp sajfi u dan wassal biex il-qatgħat ta’ bram daħlu iżjed kmieni fl-ibħra Maltin.

“Għax il baħar saħan ħafna din is-sena, il-qassata dik li ngħidulha il-fried egg jellyfish jew tal-lampuki għax tidher fi żmien il-lampuki li se jibda l-ġimgħġa d-dieħla, dehret ġimagħtejn jiġifieri fl-aħħar ta’ Lulju tliet ġimgħat qabel, dehret fil-fliegu,” qal il-Professur Deidun.

Il-Professur Deidun qal li hemm madwar 12-il speċi ta’ bram li huma iżjed komuni fil-gżejjer Maltin. Spjega li l-bram għandhom it-terrirtorju tagħhom, b’kull speċi ta’ brama jkollha l-post preferut tagħha fejn issorġi u tirriproduċi.

“Is-cigar jellyfish, tidher biss f żewġ postijiet kull sena l-Għadira u San Tumas u hemm raġuni, għax din għandha bżonn l-algae. Il-box jelly fish fil-yacht marina, għax jirriproduċu fil- konkos, jetties u wharfs.Is-cigar jelly fish luckily ma tantx tniggeż, din tkun l-Għadira u hija trasparenti u tagħrafha mis-salib l-aħmar. Hemm il-jellyfish, l-qlugh ġejja mill-atlantiku, tidher fil-bajjiet kollha fil-punent ta’ Malta allura narawha Fomm ir-Riħ, il-Ġnejna, ix-Xlendi, id-Dwejra, Popeye Village u anki l-qassata, ġejja mill-Punent u allura l-ewwel li dehret fil-fliegu u ftit ftit taqleb fuq in-naħa tal-Lvant u Grigal ta’ Malta,” spjega l-biologu marittimu l-Professur Alan Deidun.

Il-Professur Deidun qal li l-brama hija speċi antika ħafna parti mill-familja li tagħmel parti minnha wkoll il-qroll li saħansitra toriġina minn qabel id-dinosawri, minn 700 miljun sena ilu u l-użu tagħha qed ikun riċerkat minħabba l-versatilità tagħha, mill-użu ta’ bram bħala ikel għal raġunijiet kożmetiċi.

“Jintużaw għal pilloli kontra l-infjamazzjoni u collagen, anki fil-kożmetika jintuża l-collagen, u dawn qed inġibuh mill-iskart u l-jellyfish li hija 96 ilma u li jifdal huwa pure protein,” spjega l-Professur Deidun.

Il-Professur Deidun qal li fl-għaxar snin li ilha varata il-kampanja “Spot the Jellyfish” saru eluf ta’ rapporti dwar il-bram fil-gżejjer Maltin min-nies li jkunu qed jgħumu, jistadu, jgħoddsu jew waqt li jkunu fuq id-dgħajjes tagħhom. Qal li iżjed minn tliet elef rapport kienu verifikati u bis-saħħa tagħhom setgħat tinbena stampa tal-bram li hawn fil-gżejjer Maltin.

Il-professur Deidun qal li l-Università qed tiżviluppa app li b’sempliċi ritratt għandha l-kapaċita li tidentifika l-ispeċi ta’ brama b’rata ta’ 95 fil-mija korrettezza.