Lokali
Heddidha li se jagħmel waħda minn tiegħu jekk ma tagħtihx aċċess għad-dar

Aaron Sammut ta’ 26 sena residenti l-Ħamrun ġie mixli fost l-oħrajn li hedded lill-ommu bil-mobile, li għamel ħsara fil-bieb ta’ barra tal-ġara t’ommu, li ta fastidju lill-ommu, li ġiegħel lil ommu u lil ħuħ jibżgħu li se tintuża vjolenza kontrihom u li kiser ordni ta’ protezzjoni temporanja.

L-Ispettur Stacy Attard spjegat li l-akkużat hedded lill-ommu ħamest ijiem biss wara li nħarġet ordni ta’ protezzjoni temporanja għal ommu billi uża mobile biex jheddidha li jekk ma kinitx se tagħtih aċċess għad-dar kien se jagħmel waħda minn tiegħu. Qalet li għamel ukoll ħsara fuq il-bieb ta’ barra tal-ġara t’ommu meta mar issabbat fuq il-bieb.

Dr Arthur Azzopardi u Dr Rene Darmanin dehru parte ċivili għal Natalie Sammut u spjegaw li dawn telgħu kemm-il darba l-Qorti mad-distrett tal-Ħamrun, u l-omm taħfirlu.

Assistit mill-Avukat tal-għajuna legali Martha Mifsud, l-akkużat wieġeb li mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u għamel talba għall-ħelsien mill-arrest. L-avukat Mifsud qalet li r-reat huwa ta’ natura sommarja u kienet l-omm l-akkużat li bdiet tikkomunika miegħu. Qalet li z-zija tiegħu lesta tagħtih fejn joqgħod f’Buġibba.

Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba biża’ ta’ tbagħbis tal-provi kif ukoll minħabba n-natura tal-imputazzjonijiet inkluż u b’mod partikolari l-ksur tal-ordni ta’ protezzjoni.

Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras, ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba nuqqas ta’ affidibilità mill-akkużat u biża’ ta’ tbagħbis ta’ provi. Il-Qorti ordnat ukoll il-ħruġ ta’ ordni ta’ protezzjoni favur l-omm u ħu l-akkużat.