Lokali
Helena Dalli nnominata għal Kummissarju Ewropew għall-Ugwaljanza, jirreaġixxi l-PN

L-ex Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza, Helena Dalli ġiet assenjata bir-responsabbiltà tal-ugwaljanza fil-kulleġġ tal-Kummissarji Ewropej mmexxi mill-Ġermaniża, Ursula von der Leyen li ħabbret il-portafolli tal-kummissarji nominati li għad iridu jkunu approvati mill-Parlament Ewropew.

Dr Dalli li hi l-ewwel mara nominata mill-Gvern Malti biex isservi bħala Kummissarju Ewropew se tibqa’ taħdem fl-istess settur li ħadmet fih fuq bażi nazzjonali sa mill-2013 u li matulhom mexxiet ‘l quddiem diversi liġijiet favur l-ugwaljanza u d-drittijiet civili speċjalment favur id-dritt taż-żwieġ għall-koppji tal-istess sess, il-protezzjoni tal-identità tal-ġeneru u l-liġi li għamlitha illegali li wiehed joffri xi tip ta’ servizz biex persuna tbiddel jew trażżan l-orjentazzjoni sesswali ta’ persuna oħra.

Fl-ewwel reazzjoni tagħha, Dr Dalli qalet li tinsab onorata ħafna li ngħatat dan il-portafoll importanti u ħerqana li tibda taħdem mal-kollegi tal-Kummissjoni biex ikun hemm ugwaljanza fl-oqsma kollha.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-President-elett tal-Kummissjoni Ewropea għamlet għażla perfetta biex timplimenta l-aġenda ambizzjuża għall-ugwaljanza. Dr Muscat qal li xhieda ta’ dan, huwa r-rekord ta’ Malta u ta’ Dr Dalli f’dan il-qasam. Żied li l-ugwaljanza fis-sessi tal-Kummissarji nominati hija biss il-bidu.

Il-Gvern Malti fi stqarrija laqa’ n-nomina ta’ Dr Dalli bħala Kummissarju Ewropew għall-ugwaljanza u qal li hu ċar li l-President-elett, Ursula von der Leyen għażlet lil Dr Dalli għal dan il-portafol minħabba t-track record eċċellenti tagħha f’dan is-settur. Il-Gvern żied jgħid li dan il-portafoll hu xhieda tal-bidla pożittiva li għamlet Malta fl-aħħar ftit snin u li issa – kif jiddeskrivuha bosta istituzzjonijiet rispettati internazzjonali – hija meqjusa bħala raġġ ta’ tama.

Dr Edward Zammit Lewis, is-suċċessur ta’ Dr Dalli fil-Ministeru għall-Affarijiet u l-Ugwaljanza qal li Dr Dalli ser tkun katalista għall-Ugwaljanza fl-Unjoni Ewropea. Qal li von der Leyen irnexxilha ssib bilanċ fil-Kummissjoni Ewropea ġdida. “In-nomenklaturi tal-portafolli nbidlu pereżempju Helena Dalli li għall-ewwel darba hemm portafoll tal-ugwaljanza meta dan tara x’għamlet sa issa l-President tal-Commission fil-manifest tagħha li l-ugwaljanza se tkun issue importanti ħafna għal din il-kummissjoni. Huwa interessanti issa kif dan il-kulleġġ ta’ kummissarji mżewwaq b’personalitajiet differenti se jaħdem fuq il-priorità illi l-UE tkun eqreb taċ-ċittadini u nikkonvinċuhom li l-UE vera għandha tifsira għalihom”.

Il-portafoll ta’ Dr Dalli tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet minn Ursula von Der Leyen. Il-President-elett ħabbret ir-responsabbiltajiet tat-tim tagħha li għall-ewwel darba fih kważi bilanċ perfett bejn is-sessi, bi tlettax-il mara u 14-il raġel, kuntrarju għad-19-il raġel u disgħa nisa fil-kummissjoni mmexxija minn Jean Claude Juncker. Kuntrarju għall-aħħar ħames snin, il-bilanċ politiku issa jxaqqleb lejn is-Soċjalisti li għandhom għaxar kummissarji, waqt li l-Popolari għandhom disgħa. Fil-kummissjoni ‘Juncker’ kien hemm 14-il Kummissarju mill-Partit Popolari Ewropew u tmienja mis-Soċjalisti u d-Demokratiċi.

Waqt li ħabbret il-prioritajiet tal-Kummissjoni ġdida, Ursula von der Leyen għażlet li żżomm lid-Daniża Margaret Vestager responsabbli mill-kompetizzjoni waqt li l-Olandiż Frans Timmermans se jkun responsabbli mit-tibdil fil-klima. L-Irlandiż Phil Hogan ġie nominat Kummissarju għall-Kummerċ u għalhekk se jkun responsabbli mir-relazzjonijiet kummerċjali futuri mar-Renju Unit u l-Istati Uniti.

L-ex kelliem tal-Kummissjoni Ewropea, Margaritis Schinas se jkun responsabbli mill-protezzjoni tal-istil ta’ ħajja Ewropea tagħna li fost l-oħrajn tinkludi l-isfida tal-immigrazzjoni. Madankollu l-immigrazzjoni tissemma wkoll fir-responsabbiltajiet tal-Kummissarju għall-Affarijiet Interni, l-Iżvediza Ylva Johansson.

L-ex Kummissarju għall-Ġustizzja, Vera Jourova mir-Repubblika Ċeka se tkun responsabbli mill-valuri u t-trasparenza waqt li l-Franċiża Sylvie Goulard ingħatat il-portafoll tas-suq intern u d-direttorat ġenerali ġdid tal-industrija tad-difiża u l-ispazju. Il-Kroata Dubravka Suica se tkun responsabbli mid-demokrazija u d-demografija waqt li l-Estonjan Kadri Simon ngħata l-portafoll tal-enerġija. It-Taljan Paolo Gentiloni se jkun responsabbli mill-ekonomija.

Il-Kummissjoni Ewropea ġdida tibda taħdem fl-1 ta’ Novembru li ġej iżda l-kummissarji nominati kollha għajr il-President-elett, għad iridu jiġu kkonfermati mill-Parlament Ewropew wara s-smigħ quddiem il-kumitati rispettivi bejn l-aħħar ta’ Settembru u l-bidu t’Ottubru.

Il-Partit Nazzjonalista qal fi stqarrija li n-nomina ta’ Dr Dalli fil-portafol tal-ugwaljanza tirriafferma l-impenn tiegħu biex hija tgħaddi mill-iskrutenju tal-Membri Parlamentari Ewopej sabiex tkun konfermata bħala Kummissarju. Il-Partit Nazzjonalista qal li ser jagħmel dan fl-interess Nazzjonali. Żied jgħid li sal-lum ma saret l-ebda konsultazzjoni ma l-Oppożizzjoni dwar dan. Il-Partit Nazzjonalista qal li jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li fil-Kummissjoni Ewropea ser ikollha bilanċ bejn ir-rapprezentanti rġiel u nisa.

Aħbarijiet Oħra
Qorti

Ir-raġel ta’ 29 sena mill-Georgia li lbieraħ ġie arrestat wara s-sejba ta’ madwar kilo kannabis, tressaq il-Qorti u ġie mixli b’akkużi ta’ pussess, importazzjoni u traffikar ta’ droga kannabis Il-Pulizija…

Kronaka

Żagħżugħ ta’ 22 sena mill-Melieħa weġġa’ gravi wara li waqa’ minn fuq ċint. L-inċident seħħ għall-ħabt tas-2pm fi Pjazza Ġużè Debono, l-Imsida. Fuq il-post issejjaħ tim mediku, li taw l-ewwel għajnuna….

Lokali

Għoxrin ġurnata għall-Milied u fil-kuntest tas-sitwazzjoni preżenti, il-GRTU qalet li l-inċertezza u l-instabilita’ qed joqtlu n-negozji f’Malta. Stħarriġ li l-GRTU qalet li għamlet ma’ aktar minn ħamsin settur ekonomiku madwar…

Lokali

Il-President ta’ Malta George Vella qal li fid-dawl tat-talbiet li qegħdin isiru biex jieħu xi miżuri li skont xi wħud, tipprovdilu l-Kostituzzjoni, biex tissolva s-sitwazzjoni politika ta’ bħalissa, il-Kostituzzjoni ma…

Aktar