Brexit
Helpline biex jgħin Maltin fir-Renju Unit jirreġistraw mal-Kummissjoni Għolja Maltija f’Londra

Il-Prim Ministru Joseph Muscat fil-Parlament fisser il-passi li qed jieħu l-Gvern f’każ li r-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea mingħajr ftehim.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia ddikjara li l-Oppożizzjoni tappoġġja l-ftehim bejn l-Unjoni Ewropeja u r-Renju Unit dwar Brexit. Huwa talab kjarifika minn għand il-Prim Ministru dwar liema kienu d-direzzjonijiet u liema kienu l-commitments fil-miżuri li semma’ l-Prim Ministru. Huwa qabel li ż-żewġ pajjiżi jzommu relazzjonijiet storiċi u b’saħħithom. Qabel li residenti Ingliżi jingħataw permess ta’ residenza għal għaxar snin u saħaq li l-Gvern għandu jinsisti li l-istess trattament jingħata lil ċittadini Maltin fir-Renju Unit.

L-avukat Delia staqsa kif id-direzzjoni tal-Gvern qed tolqot in-negozji li jridu jillokaw f’Malta. Waqt li wera dispjaċir li l-kumpanija merkantili P& O irreġistrat il-flotta tagħha f’Ċipru. Huwa staqsa wkoll dwar x’mezzi ta’ komunikazzjoni qed juża l-Gvern biex jinforma sew lis-setturi differenti milquta minn Brexit.

Mistoqsijiet oħra saru mid-deputati Robert Cutajar, Kristy Debono, Edward Zammit Lewis, Simon Busuttil, Robert Arrigo, Hermann Schiavone.

Fit-tweġibiet tiegħu, il-Prim Minsitru Muscat qal li żdied l-interess ta’ kumpaniji fl-Ingilterra li jridu jillokaw f’Malta fosthom bl-aqwa kumpaniji tal-gaming William Hill.

Huwa ħabbar li mill-ġimgħa d-dieħla se jkun hemm helpline biex jgħin Maltin fir-Renju Unit jirreġistraw mal-Kummissjoni Għolja Maltija f’Londra. Qal li se tibqa’ l-portabilità tal-pensjonijiet u residenti Ingliżi se jkunu jistgħu jikkontestaw elezzjonijiet tal-kunsilli lokali f’Malta.

Dwar telf ta’ fondi Ewropej jekk ma jintlaħaqx ftehim bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropeja, il-Prim Ministru qal li dan se jiswa lil Malta sitt miljun ewro fis-sena għas-sentejn li ġejjin. Huwa sostna iżda li No Deal qed iwassal għal aktar investiment barranin f’Malta. Il-Gvern ħadem ukoll biex it-telf possibbli ta’ turisti Ingliżi minħabba li jiżdidulhom l-ispejjeż ikun ikkompensat b’żieda fit-turisti minn pajjiżi oħra. Malta qed tilqa’ wkoll għall-effett li Brexit ikollu fuq l-Isterlina. Qal ukoll li l-Ingliż se jibqa’ ilsien ufficjali fl-Unjoni Ewropea. Il-kwistjoni ta’ ħrug ta’ visa se jiġi deċiż fuq livell Ewropew.

Il-Prim Ministru Muscat qal li jekk ikun hemm estensjoni dan isir biex ir-Renju Unit jiċċara l-pożizzjoni tiegħu u ma jitwalx aktar mill-aħħar ta’ Mejju.

Huwa qal li Malta qed titlef l-alleat prinċipali fil-kwisjtoni tal-armonizazzjoni tax-taxxa. Iżda hemm pajjiżi oħra li jaqblu mal-qagħda ta’ Malta fosthom il-Belġju, l-Irlanda, l-Olanda, il-pajjiżi baltiċi u Ċipru. Qal li l-Gvern qed jaħdem biex ma jiżdidux b’mod sproporzjonat il-miżati għal studenti Malti li jistudjaw fl-Ingilterra.

Min-naħa tiegħu d-Deputat Prim Minsitru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal li ftehim dwar taħriġ ta’ tobba u speċjalizzazzjoni f’universitajiet u sptarijiet Ingliżi jibqgħu fis-seħħ. Malta wkoll se jkollha aċċess għaċ-ċentri ta’ eċċellenza medika Ewropea. Il-pazjenti Maltin se jibqgħu jgawdu minn servizzi mediċi fir-Renju Unit waqt li qed issir ħidma mal-Kunsill Mediku biex jitħaffef il-proċess għal speċjalisti Ingliżi biex jiġu joperaw f’Malta.

Il-Gvern ukoll sab soluzzjoni dwar madwar elfejn tip ta’ mediċina li jimporta mill-Ingilterra waqt li s-settur privat qed jaħdem għal soluzzjoni dwar xiri ta’ mediċini.

Ara wkoll:

Il-Gvern b’miżuri biex f’każ ta’ Brexit bla ftehim il-mediċini ma jogħlewx

Aħbarijiet Oħra
Politika

Il-mexxej tal-Partit Demokratiku, Dr. Godfrey Farrugia, iddeċieda li joħroġ għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Meta ħabbar it-tliet kandidati tiegħu, il-PD kien indika li dawn in-nomini kienu finali, u li ma kinux se…

Kronaka

Qed issir tfittxija għal Mary Muscat li ġiet irrappurtata nieqsa fit-18 t’April 2019 għall-ħabta tat-15:00. Hija dehret l-aħħar nhar is-17 t’April 2019 għall-ħabta tal-23:35. Mary Muscat tbati bid-Dimenzja. Kull min…

Reliġjon

Tmien adulti minn seba’ pajjiżi differenti se jirċievu s-sagramenti tal-bidu tal-ħajja nisranija mill-Arċisqof, Monsinjur Charles J. Scicluna, illejla, waqt iċ-ċerimonja tal-Vġili tal-Għid fil-Konkatidral ta’ San Ġwann. Iċ-ċelebrazzjoni tal-Vġili tal-Għid se…

Kronaka

Karozza tat-tip Mitsubishi Shogun qalbet mutur tal-pulizija fil-Ħamrun. Il-Pulizija qalet li dan ġara wara li l-pulizija waqqfu ġuvni ta’ 24 sena minn Ħal Tarxien iżda dan ma koperax, irreżista u…

Aktar