Lokali
Ħelsien mill-arrest għal 2 irġiel akkużati li darbu raġel ieħor

Żewġ aħwa Libjani li jgħixu Ħal Balzan, tressqu l-Qorti akkużati li kkaġunaw ġrieħi gravi lil raġel ieħor, għamlulu ħsara fil-mobile, li kisru l-paċi pubblika u li kissru l-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest imposti f’sentenza oħra tal-Qorti.

Siraj S.B Shalgum ta’ 39 sena u Husam Saleh Belgasem Shalgom ta’ 34 sena, li waħdu kien akkużat ukoll li rrendu ruħu riċediv, wieġbu li mhumiex ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom. L-avukati Franco Debono u Amadeus Cachia talbu li jingħataw il-ħelsien mill-arrest.

Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Matthew Grech oġġezzjonat għaliex qalet li mhumiex affidabbli u għalkemm il-vittma jixtieq iwaqqa’ l-każ, in-natura tar-reati hija gravi u l-pulizija jkollha tipproċedi xorta. Id-difiża qalet li għandhom jingħataw il-ħelsien mill-arrest mhux biss għax il-prosekuzzjoni stess tgħid li l-vittma jrid iwaqqa’ l-każ iżda wkoll għaliex l-akkuża tal-ksur ta’ kundizzjonijiet tal-Qorti tkun seħħet jekk jinstabu ħatja f’dan il-każ.

Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Charmaine Galea laqgħet it-talba fuq depożitu ta’ €500 kull wieħed u garanzija personali ta’ €2,000 kull wieħed. Huma jridu jonoraw numru ta’ kundizzjonijiet oħra fosthom li jiffirmaw l-għassa darbtejn fil-ġimgħa u jkunu d-dar bejn il-11 ta’ filgħaxija u l-5 ta’ filgħodu.

L-istess Libjani huma mixlija b’delitt li allegatament wettqu f’Novembru tal-2017, meta Libjan ta’ 40 sena inqatel b’daqqiet ta’ sikkina waqt argument fi Triq il-Bwieraq f’Birkirkara.