Lokali
Ħelsien mill-arrest għal raġel li kixef lil min biegħ b’€10,000 fi djamanti misruqa

Raġel li ġimgħa ilu tressaq il-qorti mixli li fil-bidu ta’ Ġunju seraq b’€10,000 fi djamanti minn faċilitajiet ta’ kumpanija, li isimha ma jistax jixxandar b’ordni tal-Qorti, ingħata l-ħelsien mill-arrest temporanju b’għadd ta’ kundizzjonijiet sakemm isir rapport qabel tingħata s-sentenza ordnat mill-qorti.

L-ispettur Paul Camilleri xehed quddiem il-Maġistrat Nadine Lia li s-Sur Carmel Azzopardi kkonferma mal-pulizija li għadda l-ġojjelli misruqa lil ċertu Joseph li għandu ħanut f’Ħal Qormi. Qal li kieku ma kienx għas-Sur Azzopardi, il-pulizija ma kinux jaslu għal Joseph Tabone li tressaq il-qorti lbieraħ. Qal li l-ġojjelli ġew rkuprati. Wara li semgħet ix-xhieda, il-Maġistrat ordnat li jsir rapport qabel tagħti s-sentenza. F’dan l-istadju, id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, li l-prosekuzzjoni ma oġġezzjonatx. Huwa ngħata l-ħelsien mill-arrest b’għadd ta’ kundizzjonijiet.

Il-ġimgħat li għaddiet, id-difiża spjegat li r-reati twettqu għax ir-raġel għandu l-vizzju tal-kokaina u djun.

Mix-xhieda fil-Qorti ħareġ li l-akkużat diġà għamel programm ta’ riabilitazzjoni mid-droga iktar minn 4 snin ilu. Hu wiegħed lill-Pulizija li lest jgħid lil min biegħ id-djamanti.