Lokali
“Hemm bżonn nieqfu nużaw kliem li jweġġa’ u li joħloq ambjent ta’ ‘aħna’ kontra ‘huma'”

Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tas-Saħħa Mentali, il-President ta’ Malta, George Vella, qal li jemmen li s-saħħa mentali għandha tingħata importanza ċentrali f’kull qasam tal-ħajja.

F’filmat imxandar fuq il-mezzi soċjali, il-President qal li jemmen li kampanji li jiffukaw fuq il-bilanċ bejn ix-xogħol, l-istudju u l-familja, u dawk dwar il-bilanċ bejn il-progress, l-preservazzjoni ta’ spazji miftuħa u ambjent nadif, huma wħud fil-fatturi li jippromwovu s-saħħa mentali b’mod kollettiv.

Il-President qal li hemm bżonn nieqfu nużaw terminoloġija, kliem u tikketti li jweġġgħu u li joħolqu ambjent ta’ ‘aħna’ kontra ‘huma’. Qal li dawn it-tikketti ma jwasslu għall-ebda ġid, iżda jkomplu jkabbru l-istigma u joħolqu ambjent ta’ nuqqas ta’ rispett fuq il-persuna milquta u fuq il-membri tal-familja tagħha. Spjega li ħafna drabi dan iwassal biex il-persuna ddum biex tfittex l-għajnuna professjonali u sfortunatament b’hekk tkun qed tkompli taggrava l-kundizzjoni medika tagħha.

Kompla jgħid li s-sens ta’ inċertezza ekonomika li ġabet magħha l-imxija tal-pandemija Covid-19 flimkien ma’ numru ġmielu ta’ restrizzjonijiet u nuqqas ta’ kuntatt ma’ dawk l-aktar għeżież għalina għadhom qed jheżżu l-ħajja tagħna ta’ kuljum u joħolqu livelli ta’ stress li ftit li xejn esperjenzajna bħalhom qabel.

Filwaqt li esprima s-sogħba tiegħu għat-telfa ta’ dawk li ntlaqtu mill-Covid-19, wassal messaġġ ta’ kuraġġ, speċjalment lil dawk l-anzjani li jinsabu rikoverati l-isptar jew ġewwa djar tal-anzjani u għalhekk għandhom inqas aċċess għall-membri tal-familja u ħbieb. Qal li jifhem li d-diffikultajiet huma kbar, u li r-restrizzjonijiet imposti mill-awtoritajiet tas-saħħa, għalkemm hemm bżonnhom, inisslu sens ta’ frustrazzjoni, iżda dawn huma miżuri temporanji u li għandhom l-għan li jipproteġu s-saħħa tagħna.

Għaldaqstant, fil-Jum Internazzjonali dwar is-Saħħa Mentali enfasiżża l-bżonn li filwaqt li nsalvaw kemm nistgħu l-ispazji miftuħa tagħna, u nħabirku għal ambjent nadif, huwa importanti li noħolqu politika inklussiva u li ma tibqax tħares lejn problemi relatati mas-saħħa mentali b’mod negattiv u ta’ stmerrija. Qal li permezz tal-empatija u r-rispett reċiproku aħna lkoll nistgħu nagħmlu differenza kbira kif nitkellmu dwar, u naġixxu ma’ nies bi problemi ta’ saħħa mentali.