Hemm bżonn ta’ Kunsill Lokali għal kull lokalità ?

Il-Kunsilli Lokali huma stabbiliti għal dawn l-aħħar tmienja u għoxrin sena. Tul dawn is-snin rajna żvilupp sħiħ f’dawn l-entitajiet li jservu bħala gvern lokali. Bosta sindki u kunsilliera jiġu mfaħħra u apprezzati ta’ xogħolhom, biss teżisti wkoll kritika regolari lejn sitwazzjonijiet xejn pjaċevoli li ċertu residenti jkollhom isaqqfu wiċċhom magħhom ta’ kuljum. ‘Popolin’ iddiskuta l-irwol eżatt ta’ din l-entità fi ħdan kull lokalità.

Tkellimna ma’ Dr Malcolm Paul Galea, Sindku ta’ Ħaż-Żebbuġ li spjega li l-irwol ta’ Kunsill jinkludi diversi xogħolijiet fosthom; iż-żamma tal-indafa tal-lokal, il-manutenzjoni tat-toroq u d-dwal u proġetti oħra li jinkludi binjiet u ġonna pubbliċi. Min-naħa l-oħra s-Sindku ta’ Ħal Lija, Anthony Dalli saħaq li l-Kunsill Lokali għandu jkun il-punt ta’ riferiment bejn ir-resident u entitajiet pubbliċi; “kulma jiġri fir-raħal u hekk għandu jkun, ir-resident iħares lejna bħala kunsill anke f’affarijiet li mhumiex taħt ir-responsabbiltà diretta tagħna. Għalhekk ikun tajjeb jekk entitajiet oħra jaqduna, għax aħna nirrapprezentaw il-klijenti tagħna li huma r-residenti”. Żied jgħid li bħala Kunsilli għandhom limitazzjonijiet finanzjarji biex jaħdmu, biss illum il-ġurnata t-toroq jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta’ Infrastructure Malta għalhekk l-ispejjeż relatati ma’ toroq jiġu assorbiti minn din l-entità.

Is-Sindki saħqu li jiltaqgħu ma’ entitajiet li jkunu ta’ spalla għall-kunsilli, biss ma’ entitajiet oħrajn iħossu li hemm nuqqas ta’ komunikazzjoni. Fost diversi eżempju ġiet imsemmija Transport Malta u Infrastructure Malta li għalkemm jagħmlu xogħol siewi ħafna, għad hemm lok fejn isir avvanz fejn tidħol kooperazzjoni mal-Kunsilli Lokali. Mistoqsi mill-preżentatur jekk wasalx iż-żmien li ċertu deċiżjonijiet bażiċi bħalma hu double yellow line, jittieħdu mill-gvern lokali, Galea spjega li dawn id-deċiżjonijiet jittieħdu min-naħa ta’ Transport Malta biex jiġi evitat l-abbuż, biss tenna li hemm linji gwida ċari li l-Kunsilli kapaċi jimxu magħhom biex l-abbuż jiġi evitat. Żied jgħid li huwa fundamentali li l-kunsilli jkunu proattivi biex l-aspettattivi tar-residenti jintlaħqu.

Mistoqsi mill-preżentatur jekk hemmx bżonn ta’ Kunsill Lokali għal kull lokalità, anke jekk il-lokal jinzerta żgħir, il-mistiedna saħqu li ħafna mis-sindki u l-kunsillera jagħmlu mill-aħjar għar-raħal fejn jgħixu, u ċertu ħtiġijiet ikunu jafuhom biss ir-residenti u l-kunsilliera li jgħixu fil-lokal. Galea spjega li jiltaqgħu ma’ drabi fejn il-ħtiġijiet ta’ partijiet differenti fl-istess lokal ukoll ivarjaw, aħseb u ara jekk il-lokal jibda jitmexxa minn persuni li ma jifhmux id-dinamika ta’ kif jaħdem lokal partikolari.

Dalli tenna li fil-preżent hemm ukoll ir-reġjuni li jinkludu fihom diversi Kunsilli Lokali, bil-għan li jgħinu l-Kunsilli u mhux jieħdu x-xogħol tagħhom. Min-naħa l-oħra stqarr li huwa kruċjali li l-Kunsilli Lokali jiġu stmati bl-istess mod u mhux ivarjaw fl-importanza skont il-kobor tal-lokal.