COVID-19
Hemm min qed jirraġuna li aħjar jieħu l-Covid-19 issa “ħa jeħles” – Il-Ministru Fearne

Sezzjoni tal-poplazzjoni taħt il-50 sena qed jirraġunaw li aħjar taqbadhom il-Covid-19 issa ħalli “jeħilsu” u jkunu jistgħu jkomplu b’ħajjithom.

Dan qalu d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne meta kien qed jiġi intervistat fuq il-programm Xtra.

Sostna iżda li dan ir-raġunament ma jagħmilx sens, għax m’hemmx garanzija li ġaladarba ħadt il-Covid-19 ma tistax terġa’ teħodha, barra li tispiċċa tgħaddiha lil ħaddieħor, li jista’ jkun vulnerabbli.

Stqarr li l-vaċċin mhuwiex fil-bogħod, u appella għal sagrifiċċju tal-aħħar, anki issa li ġej il-Milied.

Fl-istess programm tkellem ukoll il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, li qal li f’Lulju li għadda kien hemm bżonn jiġi ċċarat li n-nies għandhom jibdew joħorġu mill-ġdid, iżda jibqgħu jilbsu l-maskra u josservaw il-miżuri ta’ mitigazzjoni.

Saħaq li huwa kontra l-lockdown, u esprima l-fehma li l-maskri għandhom jintlibsu kullimkien.

Xtra jixxandar fuq TVM wara l-aħbarijiet tat-8.00pm.