Stejjer Umani
“Hemm raġuni għala bqajt ħajja” – xabbatriċi wara inċident li seta’ kien fatali f’Imġarr ix-Xini

Esperjenza qarsa, li setgħet kienet traġika, wasslet lil Christine Vella biex tittestja l-istamina u s-saħħa mentali tagħha biex tibqa’ pożittiva.

F’intervista maċ-Ċentru tal-Aħbarijiet, Christine irrakkuntat l-inċident li kienet involuta fih meta kienet qed tixxabbat fi Mġarr ix-Xini u kif waqt li kienet qed tirkupra rriflettiet sew minn dak li kienet għaddejja minnu u ħadet lezzjoni għal ħajjitha.

Bħal kull nhar ta’ Ħadd Christine Vella tiltaqa’ mal-grupp ta’ ħbieb tagħha biex flimkien imorru jagħmlu dak li jħobbu – jixxabbtu mal-irdum.

Iżda wieħed minn dawk il-Ħdud minnhom intemm ferm differenti minn Ħdud oħrajn wara li seħħ inċident li seta’ sewa ħajjet Christine f’Imġarr ix-Xini.

“Konna qed nitilgħu mbaghad at one point inħall il-ħabel minn ġol-clip u bqajt nieżla tliet sulari għal ġol-wied. Il-Bambin ried li min kien qed iżommni nduna li l-ħabel mhux qed iżżomm u laqgħani hu, fil-fatt weġġa’ hu wkoll, però ovvjament it-tisbita ħadtha”.

Christine tgħid li minbarra l-qatgħa tal-waqgħa f’moħħha kellha ħsieb wieħed biss … f’dawk li tħobb u li ma tintilifx min sensiha.

“And then qisu I freaked out … ghidt it tifla, it-tifla … il-mamma mia x’għamilt. Imbagħad moħħi qal ok this is a situation qegħda f’sitwazzjoni hawn irrid nara x’se nagħmel. Sħabi ġġennu … irrid nara kif se nikkalmahom … bdejt nara qisu dawl ġej fil-viżta tiegħi u bdejt nibża li se nintilef minn sensijja … allura għidt le ma jistax ikun irrid nara x’se nagħmel u bdejt inpaċpaċ”.

Christine sofriet minn ksur f’seba’ partijiet min ġisimha u apparti hekk ma bediex jaħdem sew il-pulmun tant li ma setgħetx tieħu nifs sew.

Minkejja dan kollu Christine rnexxielha tibqa’ taħseb b’mod pożittiv.

Fuq pariri tat-tobba Christine baqgħet seba’ ġimgħat l-Isptar Ġenerali t’Għawdex stess.

F’dawn is-seba’ ġimgħat Christine reġgħet bdiet titgħallem timxi mil-bidu u rat kif għamlet biex taħdem online bil-mod il-mod.

Sallum il-ġurnata qiegħda tirkupra anke jekk qiegħda timxi mingħajr krozzi. U minkejja dan l-inċident xejn m’hu se jwaqqaf lil Christine milli tkompli bl-ambizzjonijiet tagħha.

“La kont lucky li bqajt ħajja għal xi raguni. Ma nafx l-għala bqajt ħajja għax hemm min jaqa’ bankina u jibqa’ tal-post. Jiġifieri hemm raġuni għala bqajt ħajja. I’ll do my best to help others now. Jiena t-target tiegħi huwa li fDiċembru nagħmel il-5K. Issa kif u come naraw”.

Christine ddeċidiet li tiddokumenta dak li ġara b’sensiela ta’ ritratti.

Flimkien ma’ tim ta’ nies għamlet photo shoot b’mod artistiku dwar dak li għaddiet minnu f’din l-aħħar sena.

Hija qalet li dan għamlitu biex twassal il-messaġġ li għandek dejjem tibqa’ ottimist fil-ħajja u tiftakar li kull ma tgħaddi minnu hu lezzjoni għall-ħajja.