Lokali
“Hemm responsabbiltajiet ċari f’każijiet bħal tal-binja tal-Mellieħa” – il-PM

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li hemm responsabbiltajiet ċari f’każi bħalma seħħ dalgħodu fil-Mellieħa fejn iġġarfet binja ħdejn sit ta’ kostruzzjoni. Il-Prim Ministru kien qed jikkummenta fuq ONE Radio waqt intervista rrekordjata.

Spjega li dan l-inċident irid jittieħed f’kuntest ta’ inċident ieħor li jidher simili, ta’ boom fis-settur tal-kostruzzjoni u tal-fatt li n-nies jistaqsu kif f’każijiet bħal dawn il-kwistjonijiet tas-sigurtà u l-ħajja umana se jkunu protetti.

Il-Prim Ministru qal li “ir-responsabilitajiet huma ċari f’każijiet simili. Għandek professjonisti li jiffirmaw il-karti, għandhom warrant għal dawn l-affarijiet u hemm kuntrattur li jrid jimxi mal-istruzzjonijiet li jagħti l-perit. Fl-aħħar mill-aħħar ir-responsabilitajiet hemm huma ċari u ma jistgħux jiġu maħruba minn imkien u bl-ebda argumentazzjoni oħra.”

Stqarr li l-Gvern mhux jistenna każi bħal dawn biex jaġixxi u żied jgħid li “diġà ħabbarna li se ngħaqqdu l-entitajiet regolatorji kollha f’awtorità waħda li tidħol biex tgħasses iktar mill-qrib xogħlijiet simili li jkun qed isiru. Sal-lum il-ġurnata għandna l-planning authority li tista’ tapplika għandha imma mhix responsabbli għal ċerti affarijiet oħra. Hemm numru ta’ entitajiet bħal BRO, bħal numru ta’ bordijiet oħra li se nikkonsolidawhom flimkien. Tlabt li jitħaffu l-miżuri li jittieħdu interim biex ikun hemm iktar point of call wieħed ta’ responsabbiltà ċara li għandu x’jaqsam ma’ enforcement u regolamentazzjoni.”

Qal li l-Gvern f’dan il-qasam ma jidħolx f’kull proġett individwali, għaliex għalhekk hemm professjonisti bil-warrant. Stqarr li l-Gvern jidħol biex ikun hemm enforcement u żied li jemmen li fadal ħafna xi jsir. Spjega li l-Gvern jidħol ukoll dwar investigazzjoni biex meta jiġri xi ħaġa bħal din ikun hemm punt fokali.

Huwa ħabbar li l-ġimgħa d-dieħla se jkun qed isejjaħ għall-entitajiet u organizzazzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mas-settur tal-kostruzzjoni bil-għan li jkunu identifikati miżuri li għandhom ikomplu jittieħdu. Temm jgħid li “irridu niġbdu ħabel wieħed, nirrikonoxxu r-responsabbiltajiet ta’ kull sezzjoni, ta’ kull persuna, ta’ kull organizazzjoni, inkluż il-gvern f’dan il-qasam li għandna responsabbiltà ċara li ninvestigaw każijiet bħal dan.”

 

Aħbarijiet Oħra
Politika

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat wiegħed lealtà sħiħa u spazju lis-suċċessur tiegħu u qal li hu se jibqa’ baħri flok kaptan. Dr Muscat li tkellem fi tliet…

Milied

Aktar ma joqrob il-Milied, aktar jirrankaw l-attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi għall-għaqdiet tal-karità . . . fosthom il-Fondazzjoni Malta Community Chest Fund, li hija l-benefiċċarja tal-attività Santa Swim, li issa…

Politika

Il-President Emeritu Marie Louise Coleiro Preca kitbet appell biex il-poplu Malti jingħaqad. Fuq Facebook Coleiro Preca kitbet li mill-istorja tal-pajjiż il-poplu dejjem waqaf għall-valuri tal-onestà, il-ġenwinità, l-altruwiżmu, il-bżulija, l-għaqal u l-intergrità….

Aktar