Kultura
Heritage Malta se tirrestawra l-Main Guard u bini ieħor fil-Belt

Il-Main Guard, it-toroq u l-bjar taħt il-Belt u The Fortress Builders huma tliet siti li għaddew f’idejn Heritage Malta, l-aġenzija nazzjonali li tħares il-wirt storiku u kulturali tal-pajjiż.

F’konferenza tal-aħbarijiet fil-Forti Sant Anglu, id-Direttur Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, Mario Cutajar, spjega l-viżjoni ġdida ta’ Heritage Malta għas-snin li ġejjin, u ta tagħrif dwar proġetti li qed jitwettqu.

Il-proġett ta’ restawr estensiv li għaddej fil-Palazz tal-Granmastru fil-Belt, se jkun kumplimentat dalwaqt bi proġett simili faċċata. Heritage Malta se tirrestawra l-Main Guard. Is-sular t’isfel se jservi bħala ċentru ta’ interpretazzjoni tal-kapitali mill-aspett arkitettoniku inkluż dak ta’ taħt l-art. Fis-sular ta’ fuq, il-pubbliku se jkun jista’ jara t-tpinġijiet li kienu jagħmlu s-suldati mal-ħajt meta dan il-bini kien iservi bħala r-regiment mess.

Mis-sena d-dieħla se jinfetħu b’mod permanenti għall-pubbliku bjar u xelters taħt il-Belt. Bħala parti mill-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku, fi tmiem il-ġimgħa d-dieħla se tingħata opportunita’ lin-nies jaraw taħt il-belt.

Il-Fortress Builders – fejn hemm mużew dwar il-fortifikazzjonijiet – għaddiet f’idejn Heritage Malta u se tinbidel f’ċentru ta’ interpretazzjoni tal-Belt mill-aspett intanġibbli. Il-ħseib hu li l-viżitaturi se jkunu jistgħu jaraw u jifhmu aħjar il-ħajja fil-Belt, fosthom l-ikel, il-festi u l-karnival tul iż-żmien.

Id-Direttur Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, Mario Cutajar, spjega li liġi li għadha kemm għaddiet tagħti aktar saħħa lil Heritage Malta u tagħmilha l-operatur ewlieni ta’ dak kollu li hu ta’ patrimonju Malti. Qal li l-investiment mhux se jsir biss fil-Belt iżda anki fil-Kottonera fejn mistenni jiftaħ mużew dwar l-istorja tal-poplu Malti.

“Hemm investiment qawwi li jrid isir. Qed inħarsu lejn proprjetajiet ġodda fil-Kottonera, fejn qegħdin, u hemmhekk nagħtu esperjenza ġdida tal-influwenzi barranin u anki mhux barranin fuq il-kultura Maltija, fuq l-użanzi tagħna,” qal is-Sur Cutajar.

Is-Sur Cutajar semma wkoll li fir-Rabat, il-viżjoni ta’ Heritage Malta se tiffoka aktar fuq l-aspett reliġjuż fejn diġà hemm wirt reliġjuż Nisrani, Lhudi u Musulman.

Żied jgħid li proġett ieħor jinvolvi ċ-ċaqliq tal-mużew tal-istorja naturali mill-Imdina għall-Kalkara, biex jingħaqad mal-Esplora, u se jsir ukoll eżerċizzju li jagħti dehra ġdida lil Heritage Malta.

Aħbarijiet Oħra
Infrastruttura

Bdiet tieħu l-forma triq ġdida, li skont il-pjani ta’ Infrastructure Malta, sa erba’ xhur oħra se tkun tista’ tibda tintuża mill-eluf ta’ vetturi li mill-Imrieħel jitilgħu ‘l fuq, lejn ir-Rabat…

Safar

Wara li tard ilbieraħ il-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli ħabbret li l-Maltin se jkunu jistgħu jżuru 19-il pajjiż meta l-ajruport jerġa’ jibda jopera titjiriet normali mill-1 ta’ Lulju, illum il-Prim…

COVID-19

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci, qalet li s-sitwazzjoni tal-Covid-19 kienet ikkontrollata f’Malta, fejn għalkemm ħafna nies inżammu d-dar iżda tpoġġew fi kwarantina. Semmiet il-fatt li l-RT erġajna niżżilniha, u din…

COVID-19

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li l-pajjiż rebaħ il-gwerra kontra l-Covid-19. F’konferenza tal-aħbarijiet Dr Fearne qal li ma jfissirx li għax pajjiżi oħra għadhom fil-gwerra, Malta…

Aktar