Kultura
Heritage Malta tiċħad li se jsir ‘party’ fl-Imnajdra

L-aġenzija nazzjonali tal-wirt kulturali, Heritage Malta ċaħdet li t-Tempji tal-Imnajdra li huma fil-lista tal-wirt dinji, ser jilqgħu fihom kunċert u party bis-sehem ta’ DJ ta’ fama internazzjonali.

Heritage Malta qalet dan wara li l-organizzaturi tellgħu reklam fuq il-midja soċjali ta’ dan l-avveniment u bosta wrew li ma qablux li sit storiku u sensittiv bħat-tempju tal-Imnajdra, se jintuża biex isir party fih.

Heritage Malta qalet li l-avveniment bis-sehem ta’ DJ ta’ fama internazzjonali mhux se jsir fit-tempju tal-Imnajdra. Żiedet tgħid li kemm l-apparat kif ukoll l-ispeakers mhux ser ikunu fit-tinda tat-tempju u t-tempju ser iservi biss bħala sfond għal filming ta’ siegħa waqt inżul ix-xemx.

Il-Kuratur tat-Tempji tal-Imnajdra, Katia Stroud qalet “ikun filmed, imbagħad ikun streamed, live streaming. L-idea hija li ħafna minn dawn id-DJs qed jagħmluha din, li ma ddoqqx għal udjenza lokali imma ddoqq għal udjenza internazzjonali permezz ta’ live streaming.”

Il-Kuratur tat-tempji tal-Imnajdra Katia Stroud kompliet tispjega li Heritage Malta kienet tkun l-ewwel li toġġezzjona li kieku ssir talba sabiex isir ‘party’ f’sit preistoriku.

Spjegat li għal din l-attività li ser isservi ta’ reklam għal siti storiċi Maltin speċjalment mal-ġenerazzjoni żagħażugħa, l-organizzaturi jafu l-limitazzjonijiet tas-sit fosthom li mhux se jkun hemm udjenza.

“Dawl ma jistax ikun qawwi, irid ikun LED cold lights biex ma jagħmlux sħana fuq il-megaliti, is-sound irid ikun baxx u anki jrid ikun barra mit-tined biex ikun ċertu distanza mis-sit u anki ma jivvibrax ġewwa t-tined f’dan il-każ. Peress li se jkun filmed dan, se jkun irrekordjat, il-mużika mhix se tkun għolja ħafna għax imur direttament fil-cameras.”

Temmet tgħid li se jkun hemm uffiċjali tagħha sabiex jiżguraw li l-organizzaturi jimxu mal-kundizzjonijiet imposti minn Heritage Malta.

Aħbarijiet Oħra
Mużika

Fl-1996, tfajla ta’ 17-il sena li kellha storja xi tgħid waslet sal-fażi finali tal-Festival tal-Kanzunetta Maltija għall-Ewropa, ħarġet fuq il-palk u tat prestazzjoni mill-isbaħ ta’ kanzunetta bi stil pop r’n’b…

Qorti

Żewġ nisa, li waslu Malta b’dgħajsa ma’ immigranti oħra s-sena l-oħra, spiċċaw il-ħabs minflok il-Ġermanja. Fil-Qorti, l-avukat tagħhom Martin Fenech, spjega li huma użaw dokumenti foloz biex ikunu jistgħu jibdew…

Partit Nazzjonalista

Waqt żjara fix-xelter tal-YMCA li għandu mat-30 resident, il-kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li r-realtà tal-faqar f’Malta, qiegħda tiżdied minkejja t-tkabbir ekonomiku tal-pajjiż. Dr Delia qal li l-Gvern għandu…

Aktar