Storja
Heritage Malta tiftaħ tliet siti ta’ importanza storika li jinsabu f’qiegħ il-baħar

Heritage Malta għadha kif fetħet tliet siti ta’ importanza storika li jinsabu fil-baħar fl-inħawi ta’ Marsaskala, Marsaxlokk u Birżebbuġa. B’hekk issa l-Aġenzija għandha 15-il sit marittimu li ntqal qegħdin jattiraw interess partikolari minn għaddasa barranin.

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, Jose Herrera qal li Malta għandha konċentrazzjoni kbira ta’ wirt kulturali taħt il-baħar u qed taħdem biex dawn is-siti jiġu rikonoxxuti mill-UNESCO.

Il-Professur tal-arkeoloġija marittima, Timmy Gambin jemmen li fil-baħar li jdawwar il-gżejjer Maltin, hemm patrimonju u wirt storiku prezzjuż daqs dak li jinsab fuq l-art.

Id-Dipartiment għall-Wirt Kulturali ta’ taħt il-baħar fi ħdan Heritage Malta li jmexxi l-Professur Gambin għadu kif identifika u fetaħ tliet siti marittimi ġodda, ilkoll fil-forma ta’ ajruplani li ġġarrfu u għerqu fl-ibħra territorjali Maltin matul jew eżatt wara t-tieni gwerra dinjija, bħad-Douglas A-1 Skyraider li jinsab ftit ‘l barra minn Birżebbuġa. “Dan l-ajruplan telaq minn fuq aircraft carrier Amerikan niżel Ħal Far biex jiġbor il-posta u jieħdu lura lill-ekwipaġġ tal-aircraft iżda ġġarraf fil-baħar, telaq helikopter minn fuq aircraft carrier u l-bdot salva fl-ewwel salvaġġ fil-Mediterran bl-użu ta’ ħelikopter”.

Iż-żewġ siti l-oħrajn huma l-B-24 bomber Liberator Amerikan li jinsab mgħarraq barra l-port ta’ Marsaxlokk, u JU-88 li jinsab f’fond ta’ ftit aktar minn mitt metru ftit ‘l barra minn Marsaskala.

ld-Direttur Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, Mario Cutajar qal li dawn it-tliet siti se jingħaqdu ma’ 12-il sit ieħor li nstabu fl-aħħar sentejn biex issa Malta qed issaħħaħ niċċa turistika għall-għaddasa speċjalizzati li kapaċi jinżlu f’siti bħal dawn. Fl-istess waqt, il-pubbliku jista’ jgawdi u jesperjenza dan il-wirt bl-għajnuna tat-teknoloġija virtwali. “Jiġifieri mhux biss qed nitkellmu fuq 35 sit fuq l-art imma 15 f’qiegħ baħar allura dik hi sfida u responsabbiltà ta’ Heritage li tirriċerka, tinterpreta u tagħmel aċċessibbli dawn is-siti kollha”.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, Noel Zammit, qal li s-sena d-dieħla l-kollezzjoni tat-teżori fl-ibħra Maltin se tkompli tiżdied b’aktar siti. Ħabbar ukoll li l-aġenzija nediet kompetizzjoni tal-fotografija dwar ir-relitti f’qiegħ il-baħar.

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, Jose Herrera qal li Malta hija l-kuratriċi ta’ konċentrazzjoni ta’ wirt kulturali taħt il-baħar li hu tal-umanità kollha u għalhekk għaddejja ħidma biex dawn jiġu rikonoxxuti mill-UNESCO.

Aħbarijiet Oħra

Għall-ħabta tad-9pm ġie rilaxxat mill-arrest Keith Schembri, l-eks Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, wara li kien arrestat mill-Pulizija għall-ħabta ta’ nofsillejl. Huwa ħareġ mill-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Floriana, akkumpanjat mill-avukati…

Qed joqrob il-jum li fih mistennija jiftħu l-bibien tagħhom l-iskejjel għas-sena skolastika ġdida, Television Malta żar uħud mit-tħejjijiet li qed isiru f’xi skejjel tal-Gvern u tal-Knisja biex jassiguraw il-prekawzjonijiet kollha…

Il-Partit Nazzjonalista qal li hija ħaġa tal-iskantament kif fl-aħħar jiem il-Kummissarju tal-Pulizija bi ftehim mal-Ministru għall-Intern, Byron Camilleri ħabbar li l-kariga ta’ Kap Eżekuttiv tal-Korp tal-Pulizija se tispiċċa u dan…

Fid-Dar tal-Anzjani San Ġużepp il-Fgura bħalissa hemm ftit iżjed minn 100 anzjan li għandhom il-Coronavirus. 15 minnhom irriżultaw ilbieraħ. Il-Clinical Chair tal-Ġerjatrija, Dr Brian Farrugia, qal lil TVM li s-sitwazzjoni…

Aktar