Barranin
Ħidma biex jissalvaw 39 ħaddiem fil-Kanada – inqabdu 1,200 metru taħt l-art

39 ħaddiem li kienu qed ixammru l-kmiem f’minjiera fil-Kanada spiċċaw maqbuda taħt l-art wara li ngħalqilhom l-aċċess ewlieni biex jerġgħu jitilgħu ‘l fuq.

Il-ħaddiema ilhom maqbuda bejn 900 metru u 1,200 metru taħt l-art fil-minjiera ta’ Totten f’Ontarjo mill-Ħadd waranofsinhar.

Huma baqgħu maqbuda wara li l-apparat mekkaniku li niżżilhom iġġarraf ma’ lift u spiċċa għalaq l-entratura tal-minjiera għalkollox.

Bħalissa għaddejja ħidma ta’ salvataġġ sfieqa biex il-ħaddiema jissalvaw, filwaqt li ngħatalhom l-ikel u x-xorb biex jistejqru sakemm jinħarġu.

Intant, il-kumpanija Brażiljana Vale, li hija sidt il-minjiera, qalet li s’issa jidher li ma weġġa’ ħadd.

Il-minjiera ta’ Totten Mine Road kienet ingħalqet fl-1972 u reġgħet infetħet fl-2014. Fiha, fost l-oħrajn, issir estrazzjoni tan-nickel u tar-ram.