Ħidma kruċjali kontra n-nirien f’South Australia qabel jitqawwa r-riħ

Fl-ewwel ġimgħat tas-Sajf fl-Awstralja, pumpiera tat-tifi tan-nar fl-istat ta’ South Australia komplew jitħabtu man-nirien li qed jaħkmu żoni sħaħ fuq l-għoljiet lil hinn mill-belt ta’ Adelaide. Dawn is-sigħat qed jitqiesu bħala kruċjali biex in-nirien jiġu kontrollati kemm jista’ jkun, billi min-nhar l-Erbgħa l-kundizzjonijiet tat-temp xejn mhu mistennija li jgħinu ħidmet il-pumpiera.

Il-pumpiera tat-tifi tan-nar f’South Australia qed jaħdmu qatiegħ biex jikkontrollaw nirien qawwija li ħakmu żoni sħaħ fuq l-għoljiet wara l-belt ta’ Adelaide qabel ma’ l-kundizzjonijiet tat-temp imorru għall-agħar fi żmien jumejn oħra.

“Our intention is to put as much as we possibly can into the fire-affected area so that when the weather comes through on Wednesday we’ve got lots of resources there,” spjega uffiċċjal inkarigat mit-tifi tan-nar f’South Australia, Greg Nettleton.

Pumpiera minn żewġ stati oħra fl-Awstralja: Victoria u New South Wales intbagħtu jagħtu daqqa t’id f’din il-ħidma biex issa qabżu l-500 dawn involuti fit-tifi tan-nar. Huma jinsabu mgħejjuna wkoll minn ajruplani.

Mill-11,000 proprjetà fuq dawn l-għoljiet, sitta u għoxrin dar inqerdu għal kollox. Sebgħa u tletin familja ngħataw akkomodazzjoni temporanja. Il-media Awstraljana qed tirrapporta l-mewt ta’ ħafna annimali li nħarqu ħajjin fosthom koalas, kangaroos, baqar u ngħaġ. Tnejn u għoxrin persuna, ħafna minnhom pumpiera, sofrew ġrieħi ħfief.

In-nirien bdew nhar il-Ġimgħa wara nofsinhar f’temperatura ta’ 41 grad celcius. tvm.com.mt għamel kuntatt ma’ Emanuel Psaila li jgħix qrib Adelaide. Qal li l-awtoritajiet huma mħassba billi fil-jiem li ġejjin it-temperatura mistennija tkompli togħla u agħar minn hekk mistenni r-riħ qawwi li jkompli jtajjar il-ġamar u jħeġġeġ in-nar. Sfida oħra hi minn siġar li jkunu dehru li ntfew iżda jkunu għadhom qed jaqbdu minn ġewwa u jerġgħu jieħdu.

“Illum hu t-Tnejn u the fire is still not under control. Ħafna sigar kbar, qed jinqatghu u jaghlqulhom it-toroq. Hafna nies mhux allowed imorru fid-djar taghhom minhabba s-safety. Bħalissa s-Sajf – għadna fl-ewwel xahar tas-sajf. Il-problema qiegħda li jkollok dak ir-rih imbagħad ikollna storms, u s-sajjetti li jistartjaw il-fires. Issa ergjana 38 illum u ghada u l-Erbgha se tkun 40 pero l-problema qiegħda li se jkun riħ qawwi u that is the greatest enemy ghall-fire fighters,” spjega Emanuel Psaila.

Is-Sur Psaila spjega li ma jafx Maltin li joqogħdu fejn hemm in-nirien, għalkemm hemm oħrajn inkluż it-tifla tiegħu li jgħixu qrib u jinsabu fuq “watch alert” biex kif ikollhom dubju jippakkjaw u jitilqu.

“Jien nghix Adelaide, qrib ic-city. Aħna naraw il-fumes, inxommu r-riha tal-hruq pero fejn qeghdin aħna m’ghandniex dense bushing li hemm fejn qed jaqbad,” qalilna.

F’South Australia hemm ftit aktar minn 3,000 Maltin – bejn dawk li twieldu Malta u oħrajn tat-tieni jew it-tielet ġenerazzjoni.

Uffiċċjali qed jgħidu li n-nar hu l-agħar li laqat iż-żona sa mill-1983 meta kienu mietu 73 persuna.