Infrastruttura
Ħidma sabiex sal-ġimgħa d-dieħla titlesta triq ġdida tal-Marsa Junction

Infrastructure Malta qed taħdem bla heda sabiex triq ġdida tal-Marsa Junction Project li kienet ser titlesta f’Awwissu tiftaħ il-ġimgħa d-dieħla minflok u b’hekk Triq Garibaldi ma tibqax magħluqa.

Lest s’issa iktar minn 70% tal-proġett tal-Marsa Junction b’Infrastructure Malta l-ġimgħa d-dieħla qed taħdem biex tiftaħ triq ġdida u b’hekk Triq Garibaldi, waħda mill-arterji ewlenin tat-traffiku fin-nofsinhar ta’ Malta ma tibqax magħluqa. It-triq ġdida b’żewġ korsiji twila madwar nofs kilometru se tgħaddi minn taht il-flyovers ġodda ta’ din il-junction biex toħloq konnessjoni diretta minn Vjal Sir Paul Boffa sa Triq Aldo Moro fid-direzzjoni tat-tramuntana.

F’kummenti ma’ Television Malta l-Ministru tat-Trasport Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg qal li l-kuntrattur intalab jintensifika r-riżorsi tiegħu fuq il-post, biex ix-xogħol ikun jista’ jsir f’inqas żmien ħalli t-triq tinfetaħ minnufih. Qal li l-aħħar xogħlijiet b’karreġġjati li kellhom jingħalqu biex ikun jista’ jitkompla x-xogħol fit-triq il-ġdida wassal ukoll għaż-żieda fil-konġestjoni tat-traffiku. Madanakollu qal li jifhem il-frustrazzjoni tan-nies u li għalhekk tkellem ma’ Trasport Malta u Infrastructure Malta għal soluzzjoni.

“Jiena tkellimt ma’ Infrastructure Malta u Trasport Malta dwar id-dwejjaq tan-nies speċjalment dwar dak li ġara din il-ġimgħa, fis-sigħat ta’ filgħodu u qed naħdmu sabiex fil-bidu tal-ġimgħa d-dieħla jinfteħu korsiji ġodda u hemhekk immedjatament nergħu naraw żblokk fis-sitwazzjoni.”

Fl-istess waqt għaddej ġmielu x-xogħol ta’ kisi bl-asfalt ta’ tliet flyovers oħra mis-sebgħa li Infrastructure Malta qed tiżviluppa permezz ta’ dan il-proġett, biex ikunu jistgħu jibdew jintużaw sal-aħħar tax-xahar id-dieħel. Filwaqt li t-toroq kollha tal-proġett ikunu lesti sal-Ħarifa, il-proġett kollu kemm hu mistenni jkun lest sal-aħħar ta’ din is-sena.