Immigrazzjoni
Ħjiel ta’ ftehim fuq id-49 immigrant, Maltin jgħidu tagħhom

Id-disgħa u erbgħin immigrant abbord iż-żewġ vapuri tal-għaqdiet mhux governattivi Sea Watch u Sea Eye se jqattgħu lejl ieħor bejn sema u ilma ftit ‘il barra mill-kosta ta’ Malta. Rapporti fil-midja internazzjonali jindikaw li l-Kummissjoni Ewropea tinsab viċin li tikkonkludi ftehim.

Il-Gvern Malti fi stqarrija wkoll esprima t-tama li tinstab soluzzjoni fis-sigħat li ġejjin. Dan filwaqt li hemm rapporti li l-Ġermanja u Franza lesti li jieħdu 100 immigrant bejniethom.

Komplew igerbu s-sigħat bla ma kien hemm ebda żvilupp aħħari fil-każ tad-disgħa u erbgħin immigrant abbord Sea Watch u Sea Eye, li jinsabu fl-ibħra Maltin minħabba l-maltemp. Madankollu l-Aġenzija tal-aħbarijiet Taljana – ANSA qed tirrapporta li s-soluzzjoni tidher fil-qrib u tikkwota lill-Ministru għall-Intern Ġermaniż jgħid li l-Ġermanja lesta li tieħu ħamsin immigrant. Qed ikun irrappurtat li Franza lesta tagħmel l-istess.

Il-Gvern Malti fi stqarrija wkoll indika li d-diskussjonijiet li qed isiru mal-Kummissjoni Ewropea jistgħu jiġu konklużi fis-sigħat li ġejjin. Żied jgħid li fil-frattemp qed isegwi l-iżviluppi kollha u għalkemm dawn il-vapuri ma kinux fil-kompetenza ta’ Malta, lest jassisti f’każ ta’ emerġenza sakemm tinstab soluzzjoni. Qal li għal darb’oħra Malta qed tissejjaħ biex tassumi responsabiltajiet li jmorru lil hinn mill-kompetenza tagħha.

Kelliem għall-Kummissjoni Ewropea, Margaritis Schinas, qal li l-Kummissjoni Ewropea qed taħdem għal soluzzjoni bejn il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. Qal li numru ta’ stati membri esprimew ir-rieda li jikkontriwixxu f’din is-saga. Għaldaqstant qal li għaddejjin b’mod intensiv il-kuntatti biex tinstab soluzzjoni bil-għan li l-persuni abbord iż-żewġ vapuri jinżlu l-art mingħajr aktar dewmien.

“Member states now need to show concrete solidarity and the people on board need to disembark safely and without further delay,” qal Schinas.

Il-gvern Malti min-naħa tiegħu tenna li jixtieq jara soluzzjoni Ewropea biex jkunu evitati sitwazzjonijiet simili fil-futur. Tenna li Malta lesta dejjem twettaq l-obbligi tagħha f’dan.

F’konferenza tal-aħbarijiet f’Berlin, kelliema għall-għaqda mhux governattiva Ġermaniża Sea Watch qalu li dan hu każ ta’ falliment Ewropew. Il-kelliema qalu li Malta mhijiex responsabbli li tieħu l-immigranti kollha hi, imma għandhom jitqassmu bejn il-pajjiżi. Żiedu li mhux aċċettabbli li l-bniedem jiġi trattat b’dan il-mod. Qalu li Malta diġà għamlet il-parti tagħha fuq l-immigrazzjoni u jistennew pajjizi bħal Ġermanja li jagħmlu tagħhom ukoll.

F’dan l-isfond iż-żewġ vapuri bl-immigranti jidhru fl-inħawi ta’ Wied iż-Żurrieq fejn kontinwament qed ikunu segwiti minn patrol boat tal-forzi armati.

Waqt li ż-żewġ vapuri qegħdin fl-ibħra Maltin lil hinn mill-kosta fil-Lbiċ u n-Nofsinhar ta’ Malta, it-tbassir tat-temp għall-jumejn li ġejjin ma jawgurax tajjeb għall-kundizzjonijiet fuq il-baħar bit-tbassir tat-temp jindika baħar qawwi hekk kif ir-riħ mill-Punent se jlaħħaq forza 7.

Intant l-immigrazzjoni mistennija tkunu fuq l-aġenda ta’ taħditiet li mistennija fis-sigħat li ġejjin f’Malta bejn il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Prim Ministru tal-Libja Fayez al-Sarraj.

L-opinjoni pubblika f’Malta dwar jekk l-immigranti għandhomx jiżbarkaw f’Malta hija maqsuma. Ara hawn x’kellhom xi jgħidu l-Maltin li tkellmu ma’ TVM:

Aħbarijiet Oħra
Knisja Maltija

Jekk hemm aspett li jispikka fuq oħrajn fil-ġrajja tal-mewt ta’ Ġesà hi t-tbatija. Il-knisja parrokkjali tal-Fontana, f’Għawdex, għandha statwa ġdida li tirrappreżenta mument partikulari ta’ tbatija: il-flaġellazzjoni, b’Ġesù marbut ma’…

Teknoloġija

Tnieda fond ta’ żewġ miljun ewro ta’ GO Ventures, immirat lejn kumpaniji żgħar fil-qasam tat-teknoloġija. Fit-tnedija tal-fond, is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri qal li biex Malta tibqa’ fuq quddiem tar-rivoluzzjoni diġitali…

Stejjer Umani

Irġiel u nisa b’diżabbiltà llejla ġeddew mument mill-Aħħar Ikla ta’ Ġesù mad-dixxipli tiegħu. Hekk kif il-Knisja Kattolika tat bidu għat-Tridu tal-Għid, iċ-ċelebrazzjoni ewlenija tal-lejla fil-parroċċi tfakkar it-twaqqif tal-Ewkaristija u tinkludi…

Kronaka

Persuna ta’ 63 sena mir-Rumanija ġiet rikoverata wara li ttajret fil-Gżira. Il-Pulizija qalet li kienet infurmata bl-inċident fi Triq il-Gżira għall-ħabta tal-5.30 pm. Mill-ewwel stħarriġ ħareġ li l-persuna ntlaqtet minn…

Aktar