Lokali
“Ħolma li saret realtà” – Amy dwar il-mumenti fuq il-palk ta’ BGT

Tfajla Maltija spiċċat sensazzjoni mużikali fl-aħħar sigħat wara li l-interpretazzjoni tagħha tas-silta operista ‘Nella Fantasia’ fil-programm televiżiv Britain’s Got Talent, li fih ħalliet lil kulħadd issummat bil-vuċi tagħha. Amy Marie Borg tidher li għandha quddiemha ġejjieni sabiħ fil-qasam tal-mużika operistika.

Mimlija mistħija u maħkuma mill-eċitament. Hekk ippreżentat ruħha Amy Marie Borg quddiem kważi tliet elef ruħ li kienu qed isegwu il-provi ta’ nies li qalu li kellhom ħiliet artistiċi fil-London Paladium, għall-programm popolari ‘Britain’s Got Talent’.

Madanakollu, dak li t-tfajla ta’ 16-il sena għamlet sekondi biss wara, saħħar mhux biss lil Simon Cowell u l-bqija tal-ġurija iżda lil dawk kollha preżenti.

Ma Television Malta, Amy Marie qalet li ma stennietx dak li rat quddiem għajnejha x’ħin spiċċat l-interpretazzjoni tagħha tal-mużika operistika ‘Nella Fantasia’. “Ma stajtx nemmen dak li kien qed jiġri, in-nies qamu kollha bilwieqfa, ma stajtx nemmen… ħolma saret realtà kienet.”

Hija qalet li ilha tiela’ u nieżla Londra minn Novembru għall-provi wara li applikatilha l-kuġina tagħha li toqgħod l-Ingilterra biex tkun fost il-200,000 persuna li jittantaw xortihom għall-programm popolari.

Wara d-debut tagħha, Amy Marie Borg spiċċat f’diversi siti online Ingliżi, fosthom The Sun u The Telegraph, b’uħud iqabbluha ma’ Susan Boyle li kienet rebħet il-kompetizzjoni fil-passat, waqt li anke t-tenur Malti Joseph Calleja faħħar it-talent tagħha.

Amy rrakontat ma’ TVM x’qalu i-ġurati li ħadet approvazzjoni assoluta tagħhom. “David qal ‘you were a caterpillar that turned into a butterfly,'” qalet Amy.

Fit-tfulija tagħha, it-tfajla Rabtija studjat il-mużika opertistika u ħadet sehem, fost oħrajn, fil-Malta Junior Eurovision Song Contest.

Ara wkoll:

ARA: Iqumu kollha jċapċpu għall-kantanta Maltija Amy fi BGT