Lokali
Aġġornat: l-Enemalta b’żieda qawwija fid-domanda għall-elettriku minħabba sħana qawwija

Inġiniera u tekniċi tal-Enemalta matul il-lejl għamlu xogħol b’urġenza biex isewwu ħsarat f’cable taħt l-art tal-Enemalta li kkawża qtugħ fil-provvista tal-elettriku f’partijiet fin-Naxxar, Ħal Għarghur, il-Mosta u Ħal Lija.

F’xi bnadi f’dawn il-lokalitajiet, il-provvista ġiet lura wara ftit ħin għax kien possibbli li l-provvista tal-elettriku tingħata minn sub-stations oħra u permezz ta’ generators temporanji.

Fil-lokalitajiet kollha, il-provvista ġiet lura għan-normal ftit wara l-erbgħa ta’ filgħodu.

Mill-investigazzjonijiet li saru jirriżulta li l-ħsara fil-cables ta’ taħt l-art kienet ikkawżata minn varjazzjoni qawwija tat-temperatturi.

It-tiswijiet għadhom għaddejjin u mhux eskluż li jerga’ ikun hemm interruzzjonijiet qosra fil-ħin li ġej.

Fl-aħħar jiem, l-Enemalta qalet li kellha żieda qawwija fid-domanda għall-elettriku minħabba s-sħana qawwija li qed tagħmel.

Kelliem għal kumpanija qal li l-Enemalta għandha biżżejjed provvista tal-elettriku biex tlaħħaq mad-domanda.

Filwaqt li l-Enemalta skużat ruħha għal kull inkonvenjent ikkawżat mil-qtugħ mhux previst li kien hemm, qalet li għamlet u ser tkompli tagħmel kull sforz biex il-provvista titraġġa’ għan-normal fl-iqsar żmien possibbli.