Stejjer Umani
“Ħsibt li ħajti spiċċat u xtaqt immut”

Żeffiena professjonali rriskjat li titlef xogħolha meta nħakmet mill-anoressja u saħansitra kienet anke f’xifer il-mewt.

Waqt il-programm UMANI fuq TVM, Martha Visanich irrakkontat dak li għaddiet minnu, sakemm sabet l-għajnuna ta’ Dar Kenn għal Saħħtek u rnexxielha tegħleb din il-kundizzjoni. Illum hija reġgħet qed tgħix ħajja normali mimlija saħħa, tant li qed tkompli tgħallem iż-żfin, apparti milli tgħaddi kelma ta’ kuraġġ lil min ikun anoressiku biex ifittex l-għajnuna professjonali ħalli joħroġ minn din il-problema.

Martha Visanich hija żeffiena professjonali u s-sena li għaddiet marret biex tavvanza fl-istudji tagħha ma’ kumpanija rinomata taż-żfin f’Cambridget ir-Renju Unit. Martha tgħid li kienet qed tqatta’ l-isbaħ żmien ta’ ħajjitha sakemm waħda mill-għalliema taż-żfin qalet kliem li minħabba fih bdiet tiffissa fl-ikel u fl-eżerċizzju.

“Kien hemm teacher u għaddiet kumment li bħala żeffiena aħna atleti, nieklu sew ,u vera kont ħadtu dal-kumment, u ħadtu personali, u ridt naħdem fuqu, kont immur supermarket sigħat naqra l-ingredjenti fuq kull ħaġa.”

Martha, li minħabba l-anoressija, xagħrha beda jaqalgħha, ġiet għadma u ġilda u bilkemm kellha saħħa, tant li f’Londra stess qalulha li ma tistax tieħu sehem fl-ispettakli taż-żfin għax beżgħu li se jħossha ħażin. Martha qalet li fil-mera kienet qed tara bħal ċpar u bħal vuċi tgħidilha li trid tibqa’ ma tikolx. Qalet li waslet fi żmien fejn xtaqet li tmut.

“Ħarist ‘il fuq, għedtlu ‘Mulej ma rridx noqtol lili nnifsi imma għamilni nisparixxi, għamel mod li jien qatt eżistejt, jinsew kollox.'”

Bl-għajnuna ta’ ommha, Martha marret Dar Kenn għal Saħħtek, fejn għamlet programm residenzjali li bih irnexxielha tfiq.

TVM tkellem mal-Kap ta’ Dar Kenn għal Saħħtek, Darleen Żerafa, li għamlet kuraġġ biex min ibati minn din il-kundizzjoni ifittex l-għajnuna. “Ma nibżgħux għax ħafna drabi jkun hemm biża’, importanti li niltaqgħu magħhom, nispjegawlhom is-servizz u l-proċess kollu, u jistaqsu, jinvolvi ġimgħat sħaħ qabel persuna tidħol għall-programm.”

Martha qalet li llum tħossha kuntenta li ġiet lura għall-piż normali tagħha, u li qed terġa’ tiżfen u tgħallem iż-żfin. Il-parir tagħha hu li min ibati bl-anoressja, jibqa’ jiekol xorta, għaliex huwa biss l-ikel li jtik is-soluzzjoni, u jekk ma jasalx jitlob għall-għajnuna.