Ħtieġa biex issir dijanjożi tajba għal persuni bl-awtiżmu

UN awtizmu (1)Il-ħtieġa biex issir dijanjożi tajba għal persuni bl-awtiżmu kienet waħda mit-temi diskussi minn Nazzjonijiet Magħquda f’konferenza li saret dwar id-drittijiet inklussivi għall-persuni adulti bl-awtiżmu. Il-konferenza saret fil-kwarteri ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda fi New York.
Xejn dwarna jekk mingħajrna – il-messaġġ fid-disa’ konferenza tal-Istati msieħba fil-konvenzjoni tad-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà. Il-konferenza li tlaqqgħet minn Malta taħt l-awspiċi tan-Nazzjonijiet Magħquda xtarret id-drittijiet inklussivi għal persuni adulti bl-awtiżmu.

Il-konferenza fin-Nazzjonijiet Magħquda toqgħod fil-qafas tal-impenn ta’ Malta biex tkompli taħdem wara l-introduzzjoni tal-att dwar l-empowerment lill-persuni bl-awtiżmu. Il-konferenza kienet preseduta mis-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà u Anzjanità Attiva Justyne Caruana.

UN awtizmu (3)Is-Segretarju Parlamentari Caruana qalet li s-sehem ta’ Malta fil-konferenza huwa stqarrija ċara kemm il-qasam tad-diżabbiltà huwa għal qalb il-Gvern Malti. Qalet li Malta hija kburija li hi fost l-ewwel pajjiżi fl-Ewropa li approvat liġi li speċifikament tordna li l-awtiżmu jkun aċċettat fi ħdan is-soċjetà. Il-konferenza tkellmet dwar il-ħtieġa ta’ bidla fil-kultura billi titbiddel l-attitudni u kif soċjetà tersaq lejn servizzi fid-djar u dawk ibbażati fil-komunità u jiddaħlu ambjenti inklussivi imfassla biex jirrispettaw id-dinjità u l-individwalità tal-persuna.

Ari Ne’eman President tal-Austistic Self Advocacy Network qal li l-ħtieġa ta’ politika li biha ħadd ma jitħalla lura hija kruċjali.

Tqajjem ukoll il-punt tad-dijanjożi fejn bosta persuni bl-awtiżmu jinqabdu fix-xibka kaġun ta’ sistemi sterjotipati fis-servizzi tas-saħħa li ma jagħrfux x’jikkostitwixxi dijanjożi ta’ awtiżmu jew le.