Ħu l-aħħar vittma tat-traffiku jitlob ġustizzja

Ħu Andre Debattista li lbieraħ filgħodu tilef ħajtu traġikament b’daqqa ta’ karozza waqt li kien miexi fl-Għadira flimkien ma’ bintu ta’ 10 snin talab li ssir ġustizzja.

Fl-aħħar sigħat Ryan Debattista esprima s-sogħba tiegħu għall-mewt ta’ ħuh Andre fl-età ta’ 40 sena. Waqt li ddeskrivih bħala l-akbar ħabib tiegħu, sellem lil ħuh għall-aħħar darba u stqarr li xufier b’nuqqas ta’ rispett firdu minn mal-għeżież tiegħu.ryan Debattista

Ryan żied jgħid li ħuh Andre se jibqa’ dejjem fil-qlub tal-familja tiegħu għax qal li ħalla vojt kbir fil-familja kollha. Kien hawn li ttama li ssir ġustizzja ma’ ħuh u ma’ martu u ż-żewġ uliedu bniet li stqarr li qed jitlob għalihom.

Andre tilef ħajtu s-Sibt filgħodu, faċċata tal-bajja tal-Għadira fejn kien se jgħaddi jum ta’ mistrieħ. Hu u bintu kienu mexjin id f’id mal-ġenb tat-triq sabiex imorru lejn iż-żona tal-karavans li hemm fil-parkeġġ tal-bajja fejn kienu se jqattgħu l-jum ma’ xi ħbieb tal-missier.

Huwa ntlaqat minn karozza misjuqa minn żagħżugħ ta’ 22 sena mill-Fgura li kien sejjer Għawdex, biż-żagħżugħ stess jgħid lil dawk fuq il-post li kien sejjer jitlob fis-Santwarju f’Ta’ Pinu. Il-missier, li kien fuq in-naħa ta’ barra spiċċa ttajjar għal diversi metri. Il-vettura li tajritu waqfet aktar ‘il fuq.

L-inċident qajjem kommossjoni sħiħa, bit-tifla titlaq tiġri lejn il-karavans tgħajjat imbikkma għall-għajnuna. Mara li kienet f’waħda mil-kmamar ħarġet tara x’ġara u rat lil missier it-tifla mixħut fil-ġenb tat-triq u marret tagħtih l-ewwel għajnuna. Dak il-ħin kien għaddej tabib bir-rota li waqaf jassisti lill-midrub sakemm fuq il-post wasal tim mediku mill-Isptar Mater Dei.  Ir-raġel iżda ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post.

Il-Pulizija għadha qed tinvestiga l-każ. Andre Debattista hu d-disa’ vittma ta’ inċident tat-traffiku din is-sena.