Lokali
Id-deputati favur il-vot li ttieħed ilbieraħ determinati daqs qabel biex jaġixxu fl-aħjar interess tal-pajjiż u tal-PN

Fl-istess 24 siegħa li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ġie sfiduċjat minn 19 mit-30 membru tal-grupp parlamentari, id-deputati li appoġġjaw il-vot kontrih appellaw biex Dr Delia f’dawn iċ-ċirkostanzi mwiegħra jqiegħed lill-Partit u l-interessi tal-pajjiż l-ewwel.

Fi stqarrija iffirmata minn Chris Said u Therese Comodini Cachia, f’isem id-deputati li appoġġjaw il-vot li ttieħed fil-laqgħa tal-bieraħ, qalu li jibqgħu determinati daqs qabel biex jaġixxu fl-aħjar interess tal-pajjiż u tal-Partit Nazzjonalista li jixraqlu ċ-ċans li jerġa’ jikseb il-fiduċja tan-nies u jsir gvern alternattiv. Qalu li l-vot tal-bieraħ kien għażla diffiċli li l-grupp parlamentari kellu jiffaċċja.

Dan wara li Dr Delia fi tmiem il-laqgħa tal-grupp parlamentari wara li ttieħed il-vot fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu, stqarr li hu se jibqa’ Kap tal-Partit Nazzjonalista u Kap tal-Oppożizzjoni biex fi kliemu jirrispetta l-vot tat-tesserati u jkompli jiġġieled il-korruzzjoni u l-kriminalità li qal ħakmet lil pajjiż.

Mhux magħruf jekk il-President George Vella ġiex infurmat dwar dawn l-iżvilupp li jolqot il-kariga kostituzzjonali tal-kap tal-oppożizzjoni.

Fil-konferenza tal-aħbarijiet il-lejl li għadda, Dr Delia qal s-sitwazzjoni se tiġi diskussa fil-Kumitat Eżekuttiv, iżda l-President tal-eżekuttiv, Dr Alex Perici Calascione qal lil TVM li sa issa ma rċieva l-ebda talba biex isejjaħ il-laqgħa.

F’konferenza tal-aħbarijiet għall-ħabta tas-sagħtejn ta’ filgħodu, eżatt wara li ntemmet laqgħa ta’ ħames sigħat tal-grupp parlamentari tal-Partit Nazzjonalista li fiha żewġ terzi tad-deputati vvutaw li m’għandhomx fiduċja f’Dr Adrian Delia, il-Kap Nazzjonalista u tal-Oppożizzjoni indirizza lill-ġurnalisti.

“Jien din id-deċiżjoni nirrispettaha iżda t-tesserati tal-PN għamlu għażla ċara għal darba darbtejn biex jien immexxi għal-leġiżlatura sħiħa”

Dr Delia qal li huwa mhux se jirriżenja u se jkompli jmur l-uffiċċju bħala Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista. Stqarr li huwa sejjaħ laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista.

“Dak il-ħin waqt il-laqgħa sejjaħt kif itini l-poter li nagħmel l-istatut tagħna, laqgħa tal-kumitat eżekuttiv ħalli aħna nkunu nistgħu niddiskutu l-materja hemmhekk”

Madankollu, f’kummenti lil TVM, il-President tal-Eżekuttiv Nazzjonalista, Dr Alex Perici Calascione qal li sa issa ma rċieva l-ebda talba formali għal-laqgħa u għalhekk m’hemmx data meta se ssir. Spjega li normalment l-Eżekuttiv jitlaqqa’ darba fix-xahar imma skont l-istatut, jekk issir talba mill-Kap tal-Partit jew il-President tal-Kunsill Ġenerali, huwa marbut li jsejjaħ il-laqgħa fi żmien qasir.

“Hija sitwazzjoni mhux feliċi ċertament, sitwazzjoni li trid tiġi indirizzata u għaldaqstant jien nimmaġina li parti importanti mil-laqgħa tal-kumitat eżekuttiv meta din tissejjaħ hekk kif jien nirċievi t-talba ħa tkun diskussjoni fuq dan il-punt.”

Dr Perici Calascione qal li aktar minn setgħat, il-Kumitat Eżekuttiv għandu responsabbiltà jiddiskuti kull sitwazzjoni politika fosthom dak li ġie deċiż fil-grupp parlamentari. Skont l-istatut tal-Partit Nazzjonalista, huwa biss il-Kunsill Ġenerali li jista’ jneħħi lil Dr Delia minn Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Il-fergħa taż-żgħażagħ tal-Partit Nazzjonalista, l-MŻPN stqarret li wara li tilef il-vot ta’ fiduċja fil-grupp parlamentari, Dr Adrian Delia għandu jwarrab mill-kariga u argumentat li ħadd mhu ikbar mill-partit.