Qorti
Ħu Saviour Gaffarena jammetti li żamm arma bil-ħsieb li jwettaq delitt

Żewġ irġiel ammettew fil-Qorti li żammew arma bla liċenzja u li kkomplottaw bil-ħsieb li jwettqu delitt. TVM infurmat li l-każ huwa marbut mal-qtil ta’ nhar l-Erbgħa fil-limiti taż-Żurrieq.

Erbat ijiem ilu Saviour Gaffarena ta’ 27 sena nqatel b’tiri t’arma tan-nar, waqt li kuġinuh ta’ 17-il sena safa ferut gravi. Żewġ żgħażagħ oħra; Leon Debono u Owen Schembri ta’ 18-il sena, jinsabu akkużati bil-qtil.

L-irġiel, Miguel Gaffarena ta’ 30 sena mill-Imqabba, li huwa ħu l-vittma, u Joseph Polidano ta’ 63 sena minn Ħal Kirkop, tard ilbieraħ ġew akkużati li waqt li kienu fl-Imqabba jew fi bnadi oħra f’Malta, nhar l-1 t’Awwissu u fil-ġranet ta’ qabel, żammew f’xi fond jew kellhom fil-pussess tagħhom arma tan-nar mingħajr liċenzja.

Quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras huma ġew akkużati wkoll b’assoċjazzjoni bil-għan li jagħmlu delitt f’Malta li għalih hemm il-piena ta’ priġunerija.

TVM infurmat li Gaffarena tressaq b’arrest minħabba l-istat psikoloġiku li kien fih wara l-qtil ta’ ħuh, fejn kienu membri tal-familja stess li rrapputaw mal-pulizija li huma mħassba dwar l-intenzjonijiet tiegħu.

Iż-żewġ irġiel wieġbu ħatja għall-akkużi, b’ Gaffarena jiġi kkundannat disa’ xhur ħabs sospiżi għal tmintax-il xhar u jitqiegħed taħt ordni ta’ probation għal sena, filwaqt li Polidano kien ikkundannat iħallas multa ta’ €800.

Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur Anzjan Melvyn Camilleri.

Ara wkoll:

AĠĠORNAT: Saviour Gaffarena jinqatel b’tiri t’arma tan-nar, kuġinuh ferut – 4 persuni arrestati

AĠĠORNAT: Is-suspettati fil-qtil taż-Żurrieq jinżammu arrestati