Qorti
Hugo Chetcuti tilef madwar żewġ litri demm bid-daqqa ta’ sikkina li waslet għal mewtu

Wieħed mit-tobba li eżamina lil Hugo Chetcuti spjega kif dan tilef żewġ litri demm bid-daqqa ta’ sikkina li kien qala’ u li wasslet għall-mewt tiegħu.

It-Tabib Jonathan Joslin kien qed jixhed fil-ġuri ta’ Bojan Cmelik, is-Serb ta’ 38 sena li jinsab mixli bil-qtil tal-imprenditur magħruf.

Chetcuti kellu 52 sena meta miet fit-12 ta’ Lulju 2018 wara li sitt ijiem qabel kien qala’ tliet daqqiet ta’ sikkina barra wieħed mill-istabbilimenti tiegħu f’Paceville.

Cmelik kien għamel żmien jaħdem f’uħud mill-istabbilimenti tal-vittma u kien anke tkeċċa minħabba diżgwid mal-kollegi tiegħu.

Fix-xhieda tiegħu t-Tabib Joslin qal li sab lil Chetcuti fi stat ta’ xokk u kien qed jintilef minn sensih minħabba pressjoni baxxa.

It-Tabib Joslin semma kif Chetcuti kellu żewġ feriti u qal li jew is-sikkina ġiet imdawra inkella l-vittma dar waqt li kien aggredit.

Xehed ukoll it-Tabib Josef Mifsud li kien l-ewwel wieħed li beda jagħti l-kura lill-vittma fl-isptar.

Huwa qal li mit-testijiet li saru fuq il-vittma rriżulta li Chetcuti kellu internal bleeding.

Il-kirurgu Ayman Mostafa xehed illi kieku l-vittma ddaħħal fis-CT Scanner, il-vittma kien jilħaq imut u għalhekk kien operat mill-ewwel.

Huwa semma kif wara kwarta mill-operazzjoni Chetcuti ma baqax jiżvina u l-qagħda tiegħu saret iktar stabbli.

Il-ġuri qed jinstema’ quddiem l-Imħallef Aaron Bugeja.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Kevin Valletta u Maria Francesca Spiteri mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

Cmelik għandu jiddefendih lill-Avukat Simon Micallef Stafrace waqt li l-Avukati Joseph Giglio u Mario Spiteri qed jidhru għall-familja Chetcuti.