Ħuha ried l-ewtanasja

Waqt il-programm ‘Popolin’ ġie diskuss is-suġġett tal-ewtanasja. Tkellimna ma’ Anna Scerri, mara li f’ħajjitha rat ħafna. Sfortunatament, tilfet lil missierha u żewġ ħutha kawża ta’ mard terminali.

“Kont ngħidlu l-mewt mhux meta trid int sabiħ. Il-Mewt mhux tagħna” dan hu ftit mill-kliem li qasmet magħna Anna. Kliem li qalet lil ħuha waqt li kien marid b’marda serja. Spjegat li bid-dmugħ f’għajnejh kien ta’ spiss jgħidilha li għejja jgħix u li jixtieq imut, biss hija dejjem pruvat tagħmillu kuraġġ; “Kont ngħidlu qalbi għandek raġun, imma ejja kuraġġ. Iva se tmut inti imma mhux meta trid inti, meta jrid Alla l-missier”. Stqarret li ħuha xtaq il-mewt qabel, xtaq l-ewtanasja.

Anna spjegat li missierha miet erbgħin sena ilu bil-marda magħrufa bħala Motor Neurone disease, meta hija kienet għadha tifla. Fl-2001 miet ħuha l-kbir, bl-istess marda. Wara erba’ snin ħuha ieħor għamlulu t-testijiet tal-EMG u rriżulta li għandu l-ALS. “Anka jien ġieli kelli mumenti tad-dlam u kieku kelli l-swiċċ kont nitfiħ. Ħadd ma jieħu gost jara l-maħbubin tiegħu ibatu” qalet Anna.

“Għalkemm il-marda kienet iebsa ħafna, sibna ċertu paċi u sbuħija fil-marda għaliex skoprejna l-imħabba u r-rispett. Kieku ħija ħa l-ewtanasja, konna nitilfu l-esperjenzi li għaddejna flimkien matul dawk it-tlett snin, tgħidli mhux xorta miet ħuk? Iva xorta miet ħija u bata fiżikament u aħna batejna miegħu imma mxejna miegħu sax-xatba ta’ din il-ħajja”.