Vjolenza domestika
“Huwa għoli li jkollok każ ta’ vjolenza domestika kuljum”

Wara kważi sena mindu daħlet fis-seħħ, is-servizz b’xejn ta’ għajnuna legali lil vittmi ta’ vjolenza domestika ntuża għal medja ta’ każ kuljum, b’vittmi jċemplu biex jitolbu parir legali dwar kif jistgħu jipproċedu.

Il-Manager fi ħdan l-Aġenzija tal-Għajnuna Legali, Bruno Zahra, qal ma’ Television Malta li sa mit-twaqqif tagħha f’April tas-sena l-oħra, daħlu 247 talba għal għajnuna legali, li minnhom 28 każ ikunu ta’ rġiel.

Is-Sur Zahra spjega li f’każi ta’ vjolenza domestika, il-pariri legali b’xejn għal kulħadd bdew jingħataw malli daħlu fis-seħħ ir-restrizzjonijiet tal-pandemija u qal li dawn jidher li ħallew impatt negattiv fuq għadd ta’ familji, fosthom b’żieda fir-rapporti ta’ vjolenza domestika. Sostna li l-maġġoranza tal-każi jkunu riferuti mill-Appoġġ jew mill-Pulizija.

“Li jkollok każ kuljum fejn tidħol vjolenza domestika huwa għoli… hemm ċertu xhur matul is-sena li l-ammont għola ħafna… speċjalment meta konna taħt il-pandemija, kien hemm kollox ristrett is-sena l-oħra. Kien hemm ix-xhur tas-Sajf imbagħad naqsu ħabba li ġew rilaxxati l-miżuri, allura n-nies setgħu joħorġu u hemmhekk ma kienx ikun hemm ħafna problemi.”

Minbarra f’każi ta’ vjolenza domestika, l-Aġenzija tal-Għajnuna Legali tassisti persuni f’kawżi ċivili u kriminali li ma jkollhomx mezzi jqabbdu avukat privat.

Is-Sur Zahra qal li fl-aħħar tliet snin, l-Aġenzija assistiet f’1,875 każ kriminali, u f’713-il każ ċivili. Spjega li fejn jidħlu kawżi kriminali kulħadd huwa intitolat għal din l-għajnuna, iżda f’każ ta’ kawża ċivili, irid isir test fuq il-mezzi tal-persuna.

“Fil-means test tal-klijenti fil-kawżi ċivili, persuna ma jistax ikollha assi li jammontaw għal €6,988, u ma jistax ikollok assi iktar minn hekk.. meta ngħidu assi huma flus li għandek il-bank, flus li żżomm id-dar, kollox.”

Spjega li l-Aġenzija bħalissa timpjega 19-il avukat għal kawżi fil-Qrati, tlieta oħra li jaħdmu fuq każi ta’ vjolenza domestika, u tlieta oħra li jieħdu ħsieb ix-xogħol t’Għawdex.

Intant, fil-jiem li għaddew, il-korp tal-Pulizija u l-Aġenzija tal-Għajnuna Legali ffirmaw ftehim fil-prinċipju li se jistabilixxi regoli u proċeduri għas-servizzi li jingħataw mill-uffiċċju.

Il-Ministru għall-Ġustizzja, Edward Zammit Lewis, qal li fl-aħħar snin l-għadd ta’ avukati tal-għajnuna legali rdoppja; filwaqt li l-Ministru għall-Intern, Byron Camilleri qal li l-ftehim jiggarantixxi sistema iżjed ekwa b’rappreżentanza xierqa u iżjed aċċessibbli għal min ikun jeħtieġ servizzi tal-ġustizzja bil-għan li jkunu mħarsa d-drittijiet tal-akkużati u l-vittmi.