Barranin
Huwa minnu li l-kelb hu l-aktar annimal intelliġenti?

Ħafna Maltin jippreferu kelb bħala l-pet ideali tagħhom. Però meta dan l-annimal jobdi l-kmand ta’ min ikun qed jieħu ħsiebu, vera jkun qed juri kemm hu intelliġenti?

Psikologi Ingliżi minn Exeter u Canterbury University għamlu investigazzjoni sabiex jiddeterminaw l-abilitajiet tal-klieb ikkumparati ma’ annimali oħra. Il-psikologi jispjegaw li riċerki qodma dwar il-klieb ma kinux ikkumparaw l-abilitajiet tagħhom u għażluhom sempliċiment għax kienu konvinjenti għalihom fl-esperimenti.

Il-Professur Stephen Lea u Dr Britta Osthaus qalu li l-klieb ma kinux aħjar minn annimali oħra fit-tagħlim. Eżempju ta’ dan huwa li diversi annimali jistgħu jitgħallmu jirrisspondu lura lil sidhom. Jista’ jkun ukoll il-każ li l-klieb m’għandhomx l-akbar sens ta’ xamm mill-annimali kollha. Ir-riċerkaturi qegħdin jgħidu li l-ħnieżer ixommu ħafna aħjar mill-klieb. Il-klieb ġew imqabblin maż-żwiemel, fejn il-Professur Lea u Dr Osthaus sabu li ż-żwiemel setgħu jikkomunikaw mal-bniedem daqs il-klieb.

Minkejja li hemm bżonn ta’ aktar studji ta’ paraguni bejn il-klieb u annimali oħra, ġie konkluż li l-abilitajiet tal-klieb mhumiex eċċezjonali.

Fuq Twitter nies li jħobbu l-klieb irrabjaw għal dan l-istudju. Int x’taħseb dwar dan?