Politika
“Huwa urġenti għall-PN li jqum fuq saqajh biex ikun jista’ jikkumbatti u joffri soluzzjonijiet lill-Gvern”

Fl-ewwel jum tiegħu bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li huwa urġenti għall-Partit li jqum fuq saqajh biex ikun jista’ jikkumbatti u joffri soluzzjonijiet lill-Gvern li qal li qiegħed iħallu kollox jgħaddi. Dr Grech ħabbar li l-prijoritajiet tiegħu bħala Kap Nazzjonalista, immirati fost l-oħrajn biex jiżdied is-sehem tan-nisa u ż-żgħażagħ filwaqt li qed jipproponi tibdil fil-finanzi u l-midja tal-Partit.

Fl-ewwel diskors tiegħu l-għada li nħatar Kap tal-Partit Nazzjonalista, Dr Bernard Grech iringrazzja lil Adrian Delia tal-kontribut li ta lil Partit u l-pajjiż fl-aħħar tliet snin u qal li t-Tnejn ser ikun qiegħed jiltaqa’ miegħu biex jiddiskutu kif ser ikun qiegħed jagħti s-sehem tiegħu fil-Parlament, u fil-Partit. Dr Grech irringarazzja lil Ivan Bartolo talli ser ikun qiegħed iċedilu s-siġġu tiegħu fil-Parlament.

Qal li l-Partit irid ikun tan-nies, b’vokazzjoni li jservi għall-ġid komuni u li jaħdem b’risq id-dinjità umana. Qal li pajjiż għandu bżonn bidla radikali fil-mod li bih issir il-politika, u kif il-pajjiż jiġi gvernat.

Dr Grech qal li l-esperjenza tal-aħħar snin wriet kif ftit politiċi bla skrupli u korotti għamlu ħsara kbira fil-pajjiż u r-reputazzjoni ta’ Malta barra l-pajjiż. Qal li bħala kap tal-Partit ser ikun qiegħed ikompli jiġġieled il-korruzzjoni u ser ikompli l-kawża kontra l-Vitals u li din il-ġimgħa fil-grupp parlamentari ser ikun jipproponi li titressaq proposta fil-Parlament biex titwaqqaf inkjesta pubblika indipendenti dwar il-kuntratt tal-power station tal-Electrogas.

Dwar il-COVID-19 qal li ser ikun qiegħed jinsisti li tintreffa r-responsabilità politika għall-imxija fid-djar tal-anzjani li waslu biex Malta għandha l-ogħla rata ta’ mwiet meta mqabbel mad-daqs tal-popolazzjoni tal-gżejjer Maltin.

Dr Grech qal li l-Oppożizzjoni ser tkun attenta għal dak kollu li qiegħed jagħmel il-Gvern, għax il-pajjiż għandu bżonn jerġa’ jikseb id-dinjità tiegħu kif ukoll r-reputazzjoni li tilef fl-aħħar snin. F’dan ir-rigward qal li l-Partit ser ikun qiegħed jaħdem fuq programm elettorali ġdid għall-elezzjoni ġenerali li jmiss.

Il-Kap ġdid Nazzjonalista ħabbar li ser ikun qiegħed iwaqqaf forum ġdid għall-ekonomija, turiżmu u finanzi biex esperti u persuni b’esperjenza jagħti l-kontribut tagħhom, biex tiġi stabbiltia direzzjoni ċara.

Qal li l-Partit ser ikun qiegħed isejjaħ konferenza nazzjonali dwar il-popolazzjoni u l-immigrazzjoni, biex tiġi evalwata b’mod infurmat s-sitwazzjoni prezenti f’dan il-qasam.

Fil-livell ta’ Partit qal li ser ikun jitlob lil kumitat eżekuttiv biex jikkunsidra miżuri biex aktar nisa jkunu involuti fl-għola tmexxija tal-Partit, kif ukoll li minn wara l-elezzjoni ġenerali li jmiss, meta l-Kap tal-Partit ikun raġel, il-viċi kap tkun mara u viċi versa.

Qal li ser ikun qiegħed jistiden liż-żgħażagħ, studenti ħaddiemu u nisa minn kull qasam biex jidħlu għall-vokazzjoni politika, filwaqt li ħabbar li ser ikun jipproponi lil Gvern biex il-proposti għall-mekkaniżmu għall-bilanċ tal-ġeneru jitwettqu minnufih qabel l-elezzjoni.

Dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tal-Partit Nazzjonalista qal li ser ikun qiegħed jitlob rapport dettaljat dwar il-finanzi u li ser ikun qiegħed iressaq proposti fil-Parlament dwar il-finanzjament tal-partiti biex tiġi ndirizata t-tentazzjoni ta’ donazzjonijiet ileċiti li jistgħu jikkompromettu l-integrità tal-poltiċi.

Fuq il-midja tal-Partit qal li ser ikun qieħeged isaħħaħ il-media, u ħabbar li ser iwaqqaf bord editoriali biex il-messaġġ tal-partit ikunu ikkordinati fil-midja kollha tal-Partit Nazzjonalista.