Lokali
AĠĠORNAT: Sid ir-restorant jiċħad li l-kelba tħalliet tiekol mal-mejda

Sid ta’ restorant fix-Xlendi ċaħad li kelba tħalliet tiekol mal-mejda flimkien man-nies, wara ritratt li ttella’ fuq il-midja soċjali u li qajjem kontroversja.

Mara li marret tiekol f’restorant max-Xatt tax-Xlendi qalet li kienet ibbukkjat mejda għal ħamsa u semmiet li kienet se tieħu l-kelba magħha. Qalet li kienet sorpriża sabiħa meta waslet fir-restorant u skopriet li l-kelba kienet se tiġi stmata daqs il-kumplament tal-klijenti fil-ħanut, tant li l-ħaddiema tar-restorant kienu refgħulha siġġu apposta.

Fir-ritratt li tellgħet fuq il-paġna ta’ Facebook ‘Are You Being Served’, il-kelba Nia tidher kuntenta fuq is-siġġu bil-platt quddiemha. Maria Camilleri qalet li lil Nia kienet ordnatilha wkoll platt bir-ross u t-tiġieġ, li niżlilha tajjeb. Hija rringrazzjat lill-ħaddiema tar-restorant għas-servizz u wegħdithom li kienet se terġa’ tirritorna.

Iżda f’reazzjoni iktar tard, it-tmexxija tar-restorant The Boathouse ċaħdet li l-kelba kienet ingħatat siġġu, u qalet li s-siġġu kien żejjed peress li l-mejda kienet magħmula għal sitta min-nies. Fi stqarrija r-restorant sostna li filwaqt li huwa ‘pet-friendly’, tant li pprovda platt ‘disposable’ għall-kelba, madankollu ma jħallix annimali jieklu mal-imwejjed.

Ir-restorant qal li fl-ebda ħin il-kelba ma kielet mal-mejda, u li din ittellgħet fuq is-siġġu biss mill-klijenta sakemm ittieħed ir-ritratt.

Aħbarijiet Oħra
Kultura

Kważi 70 membru tal-iscouts li ġejjin minn tliet pajjiżi ħadu sehem fi programm kulturali li fethilhom tieqa fuq kulturi differenti. Il-programm kien organizzat mill-assoċjazzjoni tal-iscouts u fih ħadu sehem membri…

Annimali

L-Enemalta dal-lejl kellha taqta’ l-elettriku minn cables viċin Popeye Village biex membri tal-Protezzjoni Ċivili jkunu jistgħu jneħħu bla periklu fjamingu li nqabad fil-wires. Il-Protezzjoni Ċivili qalet li l-fjamingu weħel f’wires…

Gazzetti

Din hija ħarsa ħafifa lejn il-gazzetti ppubblikati llum il-Ħadd 19 t’ Awwissu 2018: Fl-ewwel paġna ta’ The Sunday Times of Malta insibu ritratt tal-funeral statali li sar ilbieraħ f’Genova għall-vittmi…

Aktar