Iben eks Ministru jirbaħ libell

L-Avukat Gegè Gatt, iben l-eks Ministru tat-Trasport Austin Gatt rebaħ kumpens ta’ €1,500 wara li l-Qorti ddeċidiet li aħbar li xandar l-istazzjon One fl-20 ta’ Jannar 2012 kienet libelluża.

Il-Maġistrat Francesco Depasquale ordna lill-kelliem għall-gvern Kurt Farrugia li dak iż-żmien kien editur tal-istazzjon tar-radju tal-Partit Laburista biex iħallas għad-danni wara d-deċiżjoni li l-aħbar li xxandret kienet libelluża u malafamanti.

L-istazzjon kien qal fost oħrajn li filwaqt li Austin Gatt kien ħa f’idejh it-tmexxija tal-kampanja elettorali tal-Partit Nazzjonalista, ibnu kien qed jgħin fil-kordinazzjoni ta’ attakki fuq l-internet kontra l-Kap tal-Oppożizzjoni Joseph Muscat.

Kien qal ukoll li Dr Gatt kien qed jiġi mbuttat bħala s-Segretarju Ġenerali tal-Partit biex jieħu post Paul Borg Olivier.