Stejjer Umani
Ibni bl-awtiżmu ma kienx jista’ jgħidli xi jħoss

Omm ta’ tifel bl-awtiżmu u li ma jitkellimx irrakkuntat ma’ TVM l-isfidi li għandha biex tikkomunika ma’ binha, u kif permezz tat-teknoloġija binha jgħidilha kif qed iħossu u dak li għandu bżonn. Permezz tal-Malta Trust Foundation 24 familja bi tfal bl-awtiżmu ngħataw apparat li permezz tiegħu t-tfal jkunu jistgħu jesprimu dak li għandhom bżonn, u anki jitgħallmu.

Omm ta’ tifel bl-awtiżmu, Rita Cauchi qalet li binha Isaac ta’ disa’ snin, ma jitkellimx, u minħabba din l-isfida, għafsa ta’ qalb kbira għaliha u għal familtha għaliex mhux dejjem faċli li tkun taf x’ikollu bżonn.

“Tinkwieta hafna, tkun trid tara x’se taghmel biex ittih l-għajnuna u ma tkunx taf, trid ħafna flus għat-terapiji”.

Rita hija waħda mill-familji benefiċjarji tal-Malta Trust Foundation li qassmet 24 apparat teknoloġiku għal tfal bl-awtiżmu b’investiment ta’ €150,000. Rita qalet lil TVM li dan l-apparat qed jgħinha tifhem eżatt x’għandu bżonn binha, u li qed jgħin ukoll fl-edukazzjoni tiegħu, u l-komunikazzjoni mal-edukaturi.

“Dan l-oġġett itaffilek mit-tbatija tiegħek u tiegħu, biex tmexxih ‘il quddiem fis-soċjeta’ ikun aħjar u tgħinu, biex għallinqas biex dak li jieħu dak li għandu bżonn”.

Il-President emeritu Marie-Louise Coleiro Preca qalet li l-Malta Trust Foundation qed tagħmel l-għalmu tagħha biex tagħti sostenn lil familji bi tfal vulnerabbli.

“It-tfal għandhom l-abbilta’ li jekk ikunu mgħejjuna ikunu jistgħu jikkomunikaw, b’differenza fil-kwalita’ tal-hajja taghhom u tal-familji”.

Il-Malta Trust Foundation qed tassisti lil dawn it-tfal l-awtiżmu permezz tal-aġenzija nazzjonali tal-litteriżmu, il-Fita, il-Kummissjoni għad-drittijiet tal-persuni b’diżabilità u l-komunità tan-negozju.