LGBTIQ
‘Ibni transgender, inħobbu u kburija bih’

B’filmat fuq Tik Tok wara li għalaq 16-il sena Miles Attard esprima pubblikament il-gratitudni tiegħu lejn il-ġenituri li aċċettawh kif inhu, u kif għall-ewwel kienet diffiċli ferm li jifhem x’qed jiġrilu, meta mindu kien għadu żgħir, kien iħoss li hu mhux tifla imma tifel.

“La kont nieħu gost nilgħab bil-pupi, la kont nieħu gost nilbes ilbiesi, u iktar ma bdejt inħoss xi ħaġa u lill-ommi għedtilha li għandi leħen ta’ tifel.”

Miles qal li bl-appoġġ tal-ġenituri biddel ismu għal ġuvni bi proċeduri fil-Qorti, u li beda proċessi mediċi biex minn tfajla jsir ġuvni.

Irrakkonta ma’ TVM kif iddeċieda li jgħid lill-ommu f’ittra b’dak li kien qed iħoss.

“Meta kelli 11-il sena għedt irrid ngħidilha li rrid nagħmel xi ħaġa u ktibt ittra u tlaqt għall-iskola u filgħaxija konna tkellimna fuqha.”

Omm Miles, Sylvana qalet li minkejja li ħadet xokk, fil-verita’ kienet ilha tinnota s-sitwazzjoni li kien għaddej minnha binha.

“Jiena nħoss li bħala ġenitur, m’għandi dritt li nagħżel jekk lil uliedi naċċettahomx jew le, twilidx tifel, tifla, dyslexic, dawk biċċa minni, nħobbhom bla ebda kundizzjoni.”

Miles li huwa wkoll artist, b’talent fil-kant, u l-pjanu, jinsab ħerqan li bl-istorja tiegħu jgħin tfal u żgħażagħ oħra biex jgħixu r-realta’ u mhux jgħixu gidba li tweġġagħhom.

“Għid , jien transgender, gay, whatever, għidha, mhix tal-mistħija, għax jekk tgħaffiġha l-isfel iktar se tħossok ħażin fl-aħħar mill-aħħar.”

Miles qal li fl-iskola fejn jattendi iħossu aċċettat u għandu appoġġ ukoll mill-għalliema u l-kapijiet tal-iskola. Huma diversi l-għaqdiet li jagħtu appoġġ lil persuni LGBTIQ, fosthom MGRM Malta, bil-għan li jkun hawn iktar għarfien u tingħata għajnuna f’sitwazzjonijiet bħalma hija dik li ffaċċja Miles.