Politika
“Ibqgħu xerrdu l-valuri tal-imħabba ħalli mmexxu lill-pajjiż fejn verament jixraqlu” – il-PM

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela, qal li l-ħaddiema li sofrew daqqa fil-paga tagħhom minħabba l-pandemija, se jkollhom id-dħul tagħhom għas-sena l-oħra ikkalkulat fuq Jannar u Frar, minflok fuq sena sħiħa, biex ma jarawx tnaqqis fil-pensjoni. F’attività politika fil-Furjana, il-Prim Ministru qal li din il-miżura għal min se jirtira sa sentejn oħra se tgħodd ukoll għal min jaħdem għal rasu, bid-dħul tal-2019 se jitqies daqslikieku kien id-dħul tas-sena l-oħra. Dr Abela qal li din il-miżura turi r-ruħ soċjali tal-Gvern li ma jrid lil ħadd jaqa’ lura.

Il-Prim Ministru u l-Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela, qal li t-tbassir tal-Kummissjoni Ewropea li s-sena d-dieħla Malta se jkollha l-akbar tkabbir ekonomiku fl-Unjoni Ewropea jikkuntrasta ma’ min fix-xhur li għaddew mexxa kampanji li ddeskrieva bħala sottili biex jipparalizza l-ekonomija. Dr Abela qal li l-Gvern dejjem kien vuċi ta’ tama u tkellem b’onestà.

Il-Prim Ministru semma żjara li għamel f’kumpanija fejn qal ra d-differenza li għamel il-Gvern meta kumpanija telqet mix-xejn b’investiment li sar bejn imprenditur lokali u imprenditur li sar ċittadin Malti bil-programm ta’ ċittadinanza b’investiment. Argumenta li l-Partit Nazzjonalista dejjem ra kif ikisser dan il-programm.

Il-Prim Ministru qal li qed tkompli l-ħidma ma’ dawk li sofrew l-iktar fil-pandemija fosthom billi l-Gvern din il-ġimgħa ħareġ b’liġi ġdida biex dawk li ħadu daqqa fid-dħul tagħhom is-sena li għaddiet minħabba l-imxija, ma jiħdux daqqa fil-pensjoni. Żied jgħid li impjegati u nies li jaħdmu għal rashom li ġew affettwati ħażin se jkollhom il-pensjoni kkalkulata fuq id-dħul qabel ma faqqgħet il-pandemija. Dwar l-Air Malta, il-Prim Ministru rrikonoxxa li l-kumpanija għandha diversi sfidi li qal ilhom ġejjin is-snin. Sostna iżda li l-linja nazzjonali se tibqa’ ttir b’saħħitha.

Il-Prim Ministru qal li Malta tinsab l-ewwel fl-Unjoni Ewropea fl-għadd ta’ persuni li tlaqqmu ras għal ras. Wera l-fehma li kieku l-Partit Nazzjonalista qiegħed fil-Gvern qed nieklu lil xulxin bil-ġuħ u jkollna nistennew April biex tasal it-tilqima kontra l-Covid-19.

Dwar l-immigrazzjoni, il-Prim Ministru qal li l-ħidma baqgħet għaddejja u għalih l-interessi tal-poplu jiġu l-ewwel. Fuq is-sehem taż-żgħażagħ f’entitajiet pubbliċi, Dr Abela qal li l-Gvern jemmen fil-potenzjal taż-żgħażagħ kollha u wiegħed li jibqa’ jiddefendihom anki lil dawk li jikkritikaw lill-Gvern.

Il-Prim Ministru wera l-fehma li l-President ta’ Malta ġie attakkat għax tkellem fuq l-għaqda nazzjonali. Qal li hemm min għadu jemmen fil-politika ta’ ifred u saltan. Irrimarka iżda li l-Gvern jemmen fil-politika ta’ Tim Malta fejn flimkien kulħadd jiġbed ħabel wieħed għall-ġid tal-pajjiż.