Saħħa
Iċ-ċelloli tad-demm tal-Maltin b’saħħithom biżżejjed biex joqtlu l-Covid-19?

Waqt li bħalissa għaddej il-programm nazzjonali ta’ tilqim kontra l-Covid-19, riċerkaturi Maltin għaddejjin bi studju biex jagħrfu jekk iċ-ċelloli tad-demm li jiġġieldu l-mard humiex b’saħħithom biżżejjed biex joqtlu lil dan il-virus. Il-proġett li fih se jieħdu sehem 4,000 persuna għandu jwassal għall-iżvilupp ta’ test li jidentifika jekk iċ-ċelloli tad-demm fil-Maltin humiex b’saħħithom biżżejjed biex jeqirdu l-virus minn ġisimhom.

Riċerkaturi fl-Università ta’ Malta qed iħabirku biex jiskopru kif il-Maltin qed jibnu immunità kontra l-Covid-19. Taħt lenti tar-riċerkaturi hemm tliet gruppi ta’ nies: dawk li mardu bil-virus, dawk li qatt ma ltaqgħu mal-virus u dawk li qed jitlaqqmu kontrih.

Il-Professur Christian Scerri spjega li dan l-istudju se jitfa’ dawl fuq jekk iċ-ċelloli tad-demm fin-nies humiex b’saħħithom biżżejjed biex joqtlu l-virus li ġab id-dinja għarkupptejha.

”Se nħarsu lejn iċ-ċelloli li qed jipproduċu dawn is-suldati. Dawn qed jiġu prodotti fuq riċetti. Mela jekk inħarsu lejn ir-riċetta, aħna naħsbu li nistgħu mmorru lura – reverse engineer – u minn dik ir-riċetta naħdmu x’tip ta’ suldat ħareġ u dik hi l-idea. Mela inti se jkollok test – u nispera li jkollok test – sempliċi fejn wieħed jieħu d-demm ta’ dak li jkun, jara r-riċetta li qed jipproduċi l-ġisem u minn hemmhekk jgħid dan għandu dawn l-antibodies – li jissejħu neutralising antibodies – jew le.”

Il-volontiera huma taħlita ta’ nies li fl-aħħar xahrejn taw id-demm, irċevew il-kura għall-virus fl-Isptar Mater Dei u għamlu swab test. L-istudju se jsir fuq 4,000 persuna f’Malta u se jitlesta f’sena. Il-Professur Godfrey Grech qal li t-testijiet fuq dawn in-nies se jibdew sal-aħħar ta’ dan ix-xahar.

”Bl-informazzjoni li se noħolqu minn dan il-proġett, se niżviluppaw test mal-partner industrijali – se jiżviluppaw dan it-test mid-demm biex inkunu nistgħu nagħmlu dan bi preċiżjoni.”

L-ewwel riżultati tal-istudju mhumiex wisq ‘il bogħod.

”L-ewwel ħaġa kemm perċentwal hawn tan-nies li huma hekk, hekk u hekk nisperaw li jkollna fi żmien xahrejn, tliet xhur li ġejjin jiġifieri qed nitkellmu għall-ħabta sal-aħħar ta’ Mejju.”

Il-proġett jiswa €660,000 li ġie ffinanzjat mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija u l-Malta Enterprise.