Lokali
Iċ-ċensiment jistaqsi dwar l-orjentazzjoni sesswali, ir-razza u l-home schooling għall-ewwel darba

Xahrejn oħra nkunu fl-aqwa taċ-ċensiment nazzjonali li se jsir bejn it-8 u t-28 ta’ Novembru. Madankollu, għall-ewwel darba l-kwestjonarju se jkun jista’ jibda jimtela’ onlajn mill-1 ta’ Ottubru. Għal dan il-għan fil-jiem li ġejjin kull dar f’Malta u Għawdex se tirċievi ittra mingħand l-Uffiċċju Nazzjonali għall-Istatistika b’password li tagħti aċċess biex il-kwestjonarju jimtela u jintbagħat bl-internet. Għal dawk li ma jiħdux sehem onlajn, iċ-ċensiment fid-djar isir f’Novembru.

Iċ-ċensiment nazzjonali ta’ kull għaxar snin jinsab fuq l-għatba. Ta’ din is-sena għandu t-tema “Kulħadd Jgħodd”.

Kull persuna li tgħix f’Malta għal mill-anqas sena hija obbligata bil-liġi li tieħu sehem fiċ-ċenstiment. Fi kliem id-Direttur Ġenerali tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, Etienne Caruana, dan huwa investiment kbir għall-pajjiż għax ħafna mid-deċiżjonijiet li jittieħdu fis-snin li ġejjin ikunu bbażati fuq dak li jinġabar fiċ-ċensiment.

“Bil-liġi apparti li tagħmel il-parteċipazzjoni obbligatorja tassigura wkoll il-kunfidenzjalità, u din hija importanti immens. Kull ħaġa li niġbru hawnhekk u niġbru ħafna informazzjoni anke mir-reġistri tintuża biss għal statistika. Kulma jiġi hawnhekk – qatt ma joħroġ minn hawnhekk.”

Għall-ewwel darba, l-informazzjoni miċ-ċensiment mhux se tkun marbuta ma’ lokalità, imma ma’ kull kilometru kwadru ta’ art fil-pajjiż.

“Il-mappa ta’ Malta se tkun maqsuma f’bejn wieħed u ieħor bejn 320 kaxxa, u f’kull kaxxa ħa nkunu kapaċi fuq il-mappa noħorġu informazzjoni dettaljata fuq il-familji Maltin – kemm familji kif ukoll id-djar tagħhom.”

Il-kwestjonarju taċ-ċensiment jista’ jimtela’ onlajn mix-xahar id-dieħel.

“Ħa jkun hemm portal onlajn. Fil-fatt fl-aħħar ġimgħa ta’ Settembru ħa nibdew nibagħtu ittri lil kull dwelling Maltija, u hemmhekk ħa nagħtuhom password biex matul Ottubru ħa jkunu jistgħu jidħlu onlajn u jagħtu l-informazzjoni li aħna nitolbu għaċ-ċensiment.”

Is-Sur Caruana spjega li dan il-proċess se jibda xahar qabel ma l-uffiċjali mqabbdin mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika jibdew iduru bieb bieb biex jiġbru l-informazzjoni mingħand dawk li ma jkunux bagħtu onlajn l-informazzjoni mitluba fiċ-ċensiment. Għal dan il-għan, bħalissa għaddej proċess ta’ reklutaġġ ta’ 1,000 persuna li se jduru d-djar u taħriġ għall-persuni li se jkunu qed jaħdmu fil-call centre biex jassistu lil min isib diffikultà biex jimla’ l-kwestjonarju.”

Meta l-uffiċjali jżuru d-djar, jistgħu jgħinu fil-mili tal-kwestjonarju, jew hemm l-għażla li l-pubbliku jimla’ l-karta hu kif kien isir qabel, jew iwieġeb għad-domandi bit-telephone. Is-Sur Caruana qal li din id-darba se jkun hemm enfasi biex kemm jista’ jkun ma jintużawx karti – anke minħabba sigurtà u kunfidenzjalità.

Għall-ewwel darba, dan l-eżerċizzju nazzjonali se jistaqsi dwar l-orjentazzjoni sesswali, razza u home schooling, biex isir aktar riċerka dwarhom. L-ewwel stimi taċ-ċensiment mistennija jiġu ppubblikati lejn April tas-sena d-dieħla.

Dan se jkun it-18-il ċensiment. L-ewwel wieħed sar fl-1842.