Flus
Iċ-ċenteżmu u żewġ ċenteżmi għandhom jibqgħu fiċ-ċirkolazzjoni? – il-KE f’eżerċizzju ta’ konsultazzjoni

Il-muniti taċ-ċenteżmu u ż-żewġ ċenteżmi ngħaddu mingħajrhom? Din id-domanda qed tagħmilha l-Kummissjoni Ewropea f’eżerċizzju ta’ konsultazzjoni biex sa bħal dan iż-żmien sena tiddeċiedi jekk dawn iż-żewġ muniti jibqgħux jintużaw jew le.

Fis-servizz li jmiss, TVM fittex il-fehma tan-negozji u l-gvern dwar din il-proposta.

II-Kummissjoni Ewropea qed tikkonsulta mal-pajjiżi membri jekk il-muniti taċ-ċenteżmu u ż-żewġ ċenteżmi għandhomx jitneħħew miċ-ċirkolazzjoni, u minflok il-ħlas bi flus kontanti jsir sal-eqreb ħames ċenteżmi. F’ħames pajjiżi fiż-Żona Ewro, diġa’ hemm regola li biha jiġri hekk. Sal-aħħar tas-sena d-dieħla, il-kummissjoni se tiddeċiedi jiġrix hekk fl-Ewropa kollha, jew jibqax kollox kif inhu.

Din il-proposta ntlaqgħet tajjeb minn bejjiegħa li tkellmu ma’ TVM.

“Għalina jekk ineħħuh aħjar għax diffiċli anke biex issib. Illum problema biex tmur il-bank ħa toqgħod issarraf, allura hija proposta tajba.”

“Ma tantx fadal użu għal ċenteżmi żgħar le. Ħafna drabi jħalluhom fuq il-bank u nitfagħhom ġol-bottijiet tal-Hospice jew Community Chest Fund.”

“Jien personalment naqbel magħha għax narahom ma jiswew xejn għalkemm in-nies xorta jeħduhom, meta itihomlhom il-bqija xorta jeħduhom. Ftit li jħalluhomlok fuq il-bank, imma l-biċċa l-kbira jeħduhom jew jgħidulek għall-knisja għall-quddies.”

Fil-fehma tal-Kamra tal-Intrapriżi Żgħar u Medji, dan hu ż-żmien ideali biex jitneħħew ċertu inffiċjenzi, li fil-fehma tal-Kap Eżekuttiv, Abigail Mamo, qed jispiċċaw iħallsu għalihom il-konsumaturi u n-negozji. Studji tal-Kummissjoni Ewropea juru li l-produzzjoni biss tal-muniti taċ-ċenteżmu u ż-żewġ ċenteżmi tiswa ferm aktar mill-valur tagħhom/ Is-Sinjura Mamo spjegat li l-Kamra tal-Intrapriżi Żgħar u Medji taqbel li l-prezzijiet tal-prodotti ma jintmessux, u meta l-ħlas isir bi flus kontanti, jiġi aġġustat il-kont finali.

”Bil-ħlasijiet tal-card kollox jibqa’ l-istess. Bil-ħlasijiet tal-cash biex inti tevita l-1c u t-2c, inti tara kemm ikun ġie l-kont, jekk ikun ġie eqreb pereżempju jkun ġie 1.32 jinżel 1.30 l-kont jiġifieri jiġi rounded upwards jew downwards skont kif ikun l-eqreb biex ħadd ma jitlef.”

Ikkuntattjat minn Television Malta, il-Ministeru tal-Finanzi qal li l-Gvern iħoss li hemm aktar miżuri effiċjenti mit-tneħħija taċ-ċenteżmi jew iż-żewġ ċenteżmi, għall-qalba tal-ħlasijiet b’mod diġitali. Qal li din il-miżura, li hija mbuttata mill-banek biex tnaqqsilhom l-ispejjeż, mhix priorità għall-Gvern f’dan il-mument.