COVID-19
Iċ-ċentri li fihom qed tingħata t-tilqima kontra l-COVID mistennija jirduppjaw fil-jiem li ġejjin – id-Deputat Prim Ministru

Iċ-ċentri li fihom qed tingħata t-tilqima kontra l-COVID mistennija jirduppjaw fil-jiem li ġejjin, billi sa Frar il-proċess tat-tilqima mistenni jkun avvanza sew.

Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne qal dan meta kien qed iżur ix-xogħlijiet fiċ-ċentru reġjonali tas-saħħa Ċensu Moran f’Raħal Ġdid li sostna mistenni jilqa’ l-ewwel pazjenti sa April tas-sena d-dieħla.

Qal li fil-ġimgħat li ġejjin se jitħabbar proġett għall-ċentru simili fin-naħa ta’ fuq tal-pajjiż.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li sal-lum se jkunu tlaqqmu l-anzjani kollha li għandhom aktar minn 85 sena li jistgħu jmorru fiċ-Ċentri tas-Saħħa u li kienu rċivew l-ittra għall-appuntament biex jingħataw it-tilqima għal kontra l-COVID. Qal li dawk li jaqgħu f’din il-kategorija u ma rċivewx ittra b’appuntament għandhom iċemplu fuq 145. Żied li minn nhar it-Tnejn, il-ħaddiema tas-saħħa se jibdew il-proċess li jlaqqmu lil dawk li għandhom aktar minn 85 sena u ma jistgħux joħorġu minn djarhom.

Ħabbar ukoll li dawk li għandhom il-kanċer u se jibdew jingħataw il-kimoterapija fil-jiem li ġejjin se jkunu qed jingħataw it-tilqima qabel ma jibdew il-proċess.

Il-Ministru għas-Saħħa kompla jgħid li minħabba li sa Frar, l-għadd ta’ persuni li qed jitlaqqmu mistennija jiżdiedu sostanzjalment, it-tilqim se jkun qed jingħata minn 10 ċentri oħra.

Ikkonferma li bħal diversi pajjiżi oħra madwar l-Ewropa, Malta rċiviet inqas dożi tat-tilqima tal-Pfizer din il-ġimgħa, iżda sostna li s-sitwazzjoni se tiġi rimedjata.

”Tkellimna magħhom u għandna l-kelma ta’ Pfizer li fil ġimgħat li ġejjin se jirkupraw l-ammonti li ma tawniex din il-ġimgħa biex sal-aħħar ta’ Frar inkunu on track ma dak li konna qedin fil-bidu.

Dr Fearne qal li apparti tliet każi tal-varjant il-ġdid li daħal mir-Renju Unit, ma kienu rreġistrati l-ebda każi oħra ta’ dan il-varjant f’Malta. Qal li s’issa, sat-tielet ġimgħa ta’ Frar se jkunu tlaqqmu l-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa kollha.

”L-istaff mediku kliniku huma mlaqqmin kollha. Issa bdejna nlaqqmu staff li mhux imiss dirett mal-covid u bdejna staff kliniku fil-privat. Wara nlaqqmu cohort ta’ frontliners, pulizija, environmental health officers, ħabs…u wara kif mifthiem mal-MUT inlaqmu t-teachers. Kwistjoni ta’ ġimgħat.”

Mistoqsi dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet li ngħatat lil Steward Healthcare fid-dawl tar-rapport tal-Awditur Ġenerali, il-Minsitru tas-Saħħa qal li il-Gvern għaddej b’diskussjonijiet mat-tmexxija tal-kumpanija.

Dr Fearne qal dan waqt li kien qed iżur ix-xogħlijiet li qed isiru fiċ-ċentru ta’ kura primarja f’Raħal Ġdid li sostna mistenni jilqa’ l-ewwel pazjenti sa April tas-sena d-dieħla. Huwa qal li x-xogħol miexi skont il-miri stabbiliti tant li sa April se jkun lest ix-xogħol sal-livell tat-triq, bil-binja ta’ ħames sulari għandha tkun lesta sa Ottubru. Kompla jgħid li fil-ġimgħat li ġejjin se jitħabbar proġett għall-ċentru simili fin-naħa ta’ fuq tal-pajjiż.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi qal li l-proġett, li mistenni jiswa mat-42 miljun ewro b’ko finanzjament ta’ fondi Ewropej, mistenni joffri numru ta’ servizzi, fosthom ta’ dentristrija u ta’ saħħa mentali biex inaqqas il-pressjoni minn l-isptarijiet.