Immigrazzjoni
Iċ-ċentri tal-immigranti qed jilqgħu d-doppju li jifilħu – Malta titlob l-għajnuna

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Evarist Bartolo, tenna li f’Malta b’kollox hawn 4,000 immigrant jgħixu fiċ-ċentri, meta dawn iċ-ċentri jifilħu madwar 2,000 persuna.

F’messaġġ fuq il-midja soċjali, il-Ministru Bartolo qal li huwa għalhekk li bħalissa hemm 301 immigranti irregolari li qed jinżammu fuq il-baħar.

Huwa fakkar li mill-2005 sal-lum pajjiżi  fl-Unjoni Ewropea, fosthom il-Ġermanja, Franza, l-Irlanda, il-Portugall, il-Lussemburgu u r-Rumanija ħadu minn Malta 8 minn kull 100 immigrant irregolari li wasal.

Ikkonferma li mill-1,500 li daħlu dis-sena, sal-lum kienu biss Franza u l-Portugall li wegħdu li jieħdu 36 immigrant irregolari.

Huwa staqsa wkoll għalfejn xi ġurnali Ewropej għażlu li jqajmu storja li qal kienet ilha mejta 13-il sena, dwar allegat spjunaġġ minn ħaddiema Ċiniżi f’Dar Malta, li iżda wara investigazzjoni mis-servizzi tas-sigurtà Belġjani, irriżulta li ma kienx minnu.

Sadanittant, f’messaġġ irrekordjat, il-Ministru qal li  1% tal-popolazzjoni f’Malta huma immigranti irregolari li qed jistennew f’ċentri biex ikollhom l-applikazzjoni tagħhom ipproċessata. Qal li sa mill-2005, madwar 9% tad-daqs tal-popolazzjoni tagħna ġiet minn rotot ta’ migrazzjoni irregolari.

Żied li fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena, kien hemm żieda ta’ 438% fil-wasliet tal-immigranti mir-rotta taċ-Ċentru tal-Mediterran. F’April, in-numru kien tliet darbiet aktar. Intqal li l-wasliet mistennija jkomplu jiżdiedu hekk kif qed joqrob is-sajf u l-qagħda fl-Afrika ta’ Fuq sejra għall-agħar.

“Il-kliem ta’ simpatija mhux biżżejjed. Għanda bżonn ta’ għajnuna prattika. Hemm bżonn li nirrilokaw numru ta’ immigrant f’pajjiżi oħrajn.”

Il-Ministru sostna li Malta ma tistax titħalla waħidha ġġorr dan it-toqol ta’ piż sproporzjonat tal-immigrazzjoni, u għalkemm se tkompli tagħmel il-parti tagħha, mhux se ssir iċ-ċentru tal-kriżi tal-Ewropa.

“Meta Malta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea, fehmet li ngħaqdet ma’ grupp ta’ pajjiżi li jaqsmu r-responsabbiltajiet, l-aspirazzjonijiet u l-valuri.” Qal li fil-passat Malta dejjem għenet b’kull mezz, għax temmen f’dawn il-valuri, u issa qed titlob solidarjetà lura.

Aħbarijiet Oħra
Solidarjetà

Il-Prim Ministru Robert Abela, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne kif ukoll is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci ma kellhomx biżżejjed kliem ta’ tifħir għall-voluntiera li offrew 10,000 siegħa…

Kronaka

Raġel ta’ 33 sena minn Ta’ Xbiex weġġa’ gravi f’inċident bil-mutur. L-inċident seħħ għall-ħabta tas-7am fi Triq Tul il-Kosta, Baħar iċ-Ċagħaq. Jidher li għal xi raġuni r-raġel tilef il-kontroll tal-mutur…

COVID-19

Raġel ta’ 56 sena huwa t-tmien vittma tal-Covid-19 f’Malta. Huwa miet il-lejl li għadda fl-Isptar Mater Dei. Waqt li tat rendikont tas-sitwazzjoni, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci tat il-kondoljanzi…

Saħħa

Wara li saru konsultazzjonijiet mal-Awtorità tas-Saħħa Pubblika, minn nhar it-Tnejn l-1 ta’ Ġunju se jerġgħu jibdew jiġu offruti numru ta’ servizzi fil-komunità mill-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità. Madanakollu diversi istruzzjonijiet…

Aktar