Lokali
Iċ-ċentri tas-saħħa b’aktar servizzi biex jittaffa l-piż minn fuq l-Isptar

Fid-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei kuljum imorru medja ta’ 370 persuna kuljum. Stħarriġ tal-Isptar juri li ftit inqas minn nofshom jistgħu jinqdew b’aktar ħeffa fid-diversi ċentri tas-saħħa, li tlieta minnhom jiftħu lejl u nhar.

Fl-isfond tal-pressjoni li l-influwenza staġjonali qed tħalli fuq is-servizzi tas-saħħa, l-awtoritajiet qed jappellaw lill-pubbliku biex juża s-servizzi ta’ emerġenza b’mod responsabbli għall-benefiċċju ta’ pazjenti li verament ikollhom bżonn.

Madwar 40% tal-pazjenti li jmorru fid-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei, ma jkollhomx bżonn kura fl-Isptar, iżda jistgħu jieħdu l-istess kura fid-disa’ ċentri tas-saħħa, li jipprovdu firxa kbira ta’ servizzi mediċi.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Kura Primarja, Roseanne Camilleri, qalet li għalkemm is-sena l-oħra saru mal-150,000 viżta fix-xahar fiċ-ċentri tas-saħħa, dawn kapaċi jaqdu iżjed nies b’servizzi differenti, li jipprovduhom anke f’għadd ta’ kliniċi speċjalizzati.

Roseanne Camilleri qalet li ”l-aktar popolari li għandna huma l-walk-in service meta l-pazjenti jiġu biex jaraw it-tabib. Għandna s-servizzi tal-podiatry – dawk tas-saqajn li jaraw is-saqajn. Dawn qegħdin fiċ-ċentri tas-saħħa kollha. Għandna wkoll nies li jmorru fil-bereġ biex jaraw it-tobba wkoll li matul is-sena l-oħra għal dan is-servizz marru ‘l fuq minn 107,000 pazjent. Il-blood letting dak li nafuh bħala tal-warfarina u dak isir bl-appuntamenti u jkun hemm 80 pazjent fiċ-ċentri tas-saħħa l-kbar – tal-Mosta, Floriana u Raħal Ġdid, u mbagħad fiċ-ċentri tas-saħħa oħrajn ikun hemm mal-50 pazjent kuljum, jiġifieri qed naraw għadd ta’ kbir ta’ pazjenti kuljum bl-appuntamenti. Għandna wkoll l-iscreening li huma popolari wkoll tal-colorectal u s-cervical u għandna l-X-rays ukoll li s-sena l-oħra kellna xi 50,000 persuna li ġew għall-X-ray.”

Is-servizzi fiċ-ċentru tas-saħħa jiswew mitqlu deheb u jingħataw b’aktar ħeffa milli jingħataw fid-Dipartiment tal-Emerġenza, speċjalment f’dawn iż-żminijiet, meta għadd kbir ta’ pazjenti qed jirrikorru l-emerġenza minħabba l-influwenza.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Mater Dei, Ivan Falzon qal lil TVM li f’dawn il-jiem id-Dipartiment tal-Emerġenza qed ikollu medja ta’ 370 pazjent kuljum. Qal li stħarriġ li sar mill-Isptar juri, li mill-inqas 140 minnhom, jistgħu faċilment jinqdew miċ-ċentri tas-saħħa.

Tliet ċentri ewlenin: tal-Mosta, Raħal Ġdid u l-Floriana jipprovdu servizz lejl u nhar. Waqt li tar-Rabat, Birkirkara, Bormla, Ħal Qormi u l-Gżira u r-Rabat Għawdex, jiftħu bejn it-8am u t-8pm fost il-ġimgħa, b’ħinijiet imnaqqsa fi tmiem il-ġimgħa.