Edukazzjoni
Iċ-ċerimonji tal-gradwazzjoni posposti, iżda s-sena akkademika tibda f’Ottubru

L-Università ta’ Malta ħabbret li ċ-ċerimonji ta’ gradwazzjoni li kienu se jsiru f’Novembru u Diċembru li ġej jiġu posposti għas-sena d-dieħla minħabba l-inċertezza relatata mal-COVID-19.

Ir-Rettur tal-Università, il-Professur Alfred Vella qal li s-Senat iddeċieda li l-quddiesa ta’ radd il-ħajr u ċ-ċerimonji jsiru fi Frar u Marzu skont is-sitwazzjoni tas-saħħa pubblika.

Fl-istess waqt it-tħejjijiet għas-sena akkademika l-ġdida baqgħu għaddejjin b’Television Malta jikkonferma mal-Prorettur tal-Università li sakemm ma jkunx hemm ċirkustanzi imprevedibbli, is-sena akkademika l-ġdida hija skedata li tibda f’Ottubru.

L-Università ta’ Malta bdiet tirċievi l-applikazzjonijiet mill-istudenti prospettivi għas-sena akkademika li jmiss. “Il-korsijiet jibdew mid-dsatax ta’ Ottubru, fil-każ ta’ ħafna mill-korsijiet, filwaqt li dawk li għandhom bżonn course requirements bħall-mediċina, dentistrija, dawk nibdewhom f’Novembru… imma rridu nżommu f’moħħna li ma kull deċiżjoni li nieħdu li dan kollu jista’ jisfaxxa u jista jkun li nerġgħu naddattaw.”

L-applikanti se jkunu jistgħu jidħlu l-universita proviżorjament anki jekk ma jkunux kisbu il-kwalifiki kollha minhabba li fil-pandemija l-ezamijiet tal-Matsec gew posposti. “Sa dak iż-żmien, ir-riżultati jkunu għadhom ma ħarġux imma l-istudenti jistgħu jidħlu fil-kors tagħhom jekk iħossu li marru tajjeb biżżejjed li jkunu jistgħu jibdew, se jidħlu fuq probation u jkollhom iċ-ċans li jibqgħu fuq probation, imbagħad ovvjament jekk la jirnexxu fir-resits u lanqas fil-kors, allura ma jkunux jistgħu jkomplu.”

Mistoqsija jekk l-aġġustamenti fil-kriterji għad-dħul m’huwiex se joħolqu sitwazzjoni inġusta, il-Professur Sammut fakkret kif l-istudenti kellhom itemmu l-istudji tagħhom f’sitwazzjoni mingħajr preċedent.

“Se niftħu bi probation, imma fl-istess ħin l-universita trid iżomm l-istandards, għax anki għall-interess tal-istudent, ma rridux li jkun hemm xi ħadd li jiggradwa din is-sena imbagħad xi darba fil-futur jgħidu dawn huma l-istudenti ta żmien il-covid u allura ċ-ċertifikat tagħhom ikun jitqies inferjuri mill-oħrajn.”

Mistoqsija jekk hux se jiżdied il-kontenut online, il-pro rettur tal-università qalet li din il-possibiltà qed tkun studjata. “Bħalissa qed isir studju mir-rettorat fuq il-mod kif akkademiċi esperjenzaw l-online teaching u fuq kif l-istudenti esperjenzaw l-online teaching; issa filwaqt li aħna dejjem nibqgħu teaching university għax aħna għall-250 sena sħaħ dejjem għallimna wiċċ imb’wiċċ, imma fl-istess ħin qed naraw, x’tgħallimna fl-aħħar xhur.”

TVM tkellem ukoll mal-uffiċjal amministrattiv tal-Università, Marco Tabone, li kkonferma li għal din is-sena se jkun hemm għoxrin kors universitarju ġdid. “Hemm minnhom huma masters courses u hemm minnhom li huma undergraduate ukoll, bħal bachelor of arts in public management, u l-bachelor of arts in disabilty studies and psychologies, fost oħrajn.”

Is-Sur Tabone qal li uħud minn dawn il-korsijiet se jkunu online.