Barranin
Iċ-Ċina tħejji ruħha biex issib kif u meta bdiet il-Covid

Iċ-Ċina se teżamina eluf ta’ testijiet tad-demm li ttieħdu fl-2019 fil-belt ta’ Wuhan fejn x’aktarx bdiet l-imxija tal-Covid-19 biex jiġi stabbilit kif u meta bdiet il-pandemija.

It-testijiet li se jiġu eżaminati, li jammontaw għal madwar 200,000, ittieħdu f’Wuhan fl-2019 qabel ma l-virus inxtered mal-erbat irkejjen tad-dinja. Testijiet, li kienu baqgħu mistura fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ Wuhan għal dawn l-aħħar sentejn.

Uffiċjal tas-saħħa Ċiniża stqarr ma’ CNN li bħalissa għaddejjin l-aħħar tħejjijiet biex it-testijiet tad-demm jiġu eżaminati.

Fi Frar li għadda, l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa qalet li dawn it-testijiet tad-demm jistgħu jkunu kruċjali biex tinstab il-verità fuq kif inxterdet il-pandemija.

Diversi esperti jaħsbu li l-virus infetta lill-bniedem għall-ewwel darba qabel Diċembru tal-2019.