Kronaka
Iċ-Ċiniż jgħid li sar frame-up kontrih fil-qtil ta’ DCG

George Degiorgio, magħruf bħala ċ-Ċiniż, li qed jiġi akkużat bil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia akkuża lill-Pulizija li qed jippruvaw jiġġustifikaw l-arrest tiegħu b’evidenza mhux ċara.

F’rikors kostituzzjonali li tressaq illum, Degiorgio qiegħed jgħid li sar frame-up kontrih mill-Pulizija stess.

Il-Pulizija fil-Qorti ressqu evidenza li Degiorgio kien abbord id-dgħajsa tiegħu meta bagħat l-SMS li wassal għall-isplużjoni tal-bomba li qatlet lill-ġurnalista.

Degiorgio qed jisħaq li minkejja li tressqet l-evidenza f’forma ta’ filmat fejn tidher dgħajsa dieħla u ħierġa mill-Port il-Kbir bejn is-14:30 u t-15:30 fis-16 ta’ Ottubru 2017, persuna involuta fil-preżentazzjoni tal-evidenza qalet li ma kinitx ċerta jekk id-dgħajsa li tidher fil-filmat hix ta’ Degiorgio.

L-avukat ta’ Degiorgio, Dr William Cuschieri qiegħed jitlob lill-Qorti tiddikjara li d-dritt għas-smigħ xieraq ġie mċaħħad lill-akkużat bl-azzjonijiet tal-Pulizija u l-imsemmija evidenza.

Il-kumpilazzjoni fil-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia għadu qed jinstema’ l-Qorti.