Lokali
Iċċekkja fejn waslu l-vouchers tal-€100 jekk għadhom ma waslulekx

Il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri ħabbar li fl-ewwel ġimgħa mindu bdew jintużaw il-vouchers tal-€100 diġà ntefqu b’aktar minn miljun u ħames mitt elf ewro fin-negozji Maltin u Għawdxin.

F’konferenza tal-aħbarijiet li matulha ta’ rendikont tat-tqassim tal-vouchers, il-Ministru Schembri qal li sal-bieraħ kienu tqassmu aktar minn tmenin elf voucher bil-posta.

Dan wara li fil-ġimgħat li għaddew, kienu aktar minn 118-il elf ruħ li niżżlu l-vouchers tagħhom minn fuq l-internet u għalhekk setgħu bdew jużawhom mis-7 ta’ Ġunju li għadda.

Il-vouchers jistgħu jibqgħu jintużaw sal-15 ta’ Settembru li ġej f’aktar minn 3,800 ħanut, 2,473 restorant jew post ta’ akkomodazzjoni u 172 stabbiliment li joffru ż-żewġ servizzi. Dan għal total ta’ 6,500 negozju li llum qed jaċċettaw il-vouchers tal-Gvern. Huwa żied jgħid li f’dan ir-rawnd hemm 690 negozju ġdid li qed jaċċettaw il-vouchers.

Dwar it-tqassim tal-vouchers, il-Ministru Schembri qal li bħalissa għaddej it-tqassim ta’ 328,251 voucher bil-posta rreġistrata. Spjega li l-persuna d-dar trid tippreżenta l-Karta tal-Identità u tiffirma biex il-pustier jagħtiha l-vouchers tagħha u tar-residenti li jgħixu taħt l-istess saqaf.

F’każ li l-pustier isib id-dar vojta, ir-residenti, b’mod individwali jridu jmorru minn jeddhom jiġbruhom mill-eqreb uffiċċju postali tagħhom u jippreżentaw il-Karta tal-Identità tagħhom.

Huwa ħabbar servizz ġdid li permezz tiegħu, dawk li għadhom ma rċevewx il-vouchers, jistgħu jiċċekkjaw fejn waslu.

Dan billi jidħlu fuq il-website https://vouchersmimcol.com/consumer-2/#document-num-modal u permezz tal-Karta tal-Identità tagħhom jitgħarrfu eżatt fejn u meta se jaslulu l-vouchers id-dar.