Turiżmu
Iċċekkja sew min qed jikrilek kamra jew dar meta ssiefer biex ma tkunx imqarraq

Jekk kont qed issiefer u tagħżel li toqgħod f’Airbnb hemm ċans li se tara bosta tibdiliet dalwaqt.  Dan għax qed jinkisru bosta regoli Ewropej tal-konsumatur tant li l-Kummissjoni Ewropea talbet lis-sit elettroniku tal-Airbnb biex jipproponi tibdil sal-aħħar t’Awwissu inkella jiffaċċja azzjoni ta’ infurzar.

Xi termini u kundizzjonijiet tal-Airbnb u l-mod kif jidhru l-prezzijiet qed jiksru direttiva Ewropea tant li l-Kummissarju Ewropew Vera Jourova qalet li jeħtieġ li dan is-sit elettroniku jagħmilha ċara jekk l-akkomodazzjoni hix offruta minn individwu privat jew inkella minn xi ħadd midħla tas-suq biex timxi b’iktar trasparenza mal-konsumaturi.

Airbnb u diversi pjattaformi oħra simili, li jgħinu lil min irid jikri kmamar jew djar għal perjodu qasir f’pajjiżi barranin, kibru fil-popolarità fl-aħħar snin minħabba l-prezzijiet kompetittivi tagħha meta mqabbel mal-prezzijiet tal-lukandi.