Festi
Festi ta’ Santa Marija fuq l-internet u b’inizjattivi tal-karità

Ġimgħa fuq il-15 ta’ Awwissu, bħal-lum 3 parroċċi oħra jiċċelebraw il-festa ta’ Santa Marija; Ħad Dingli, l-Imġarr u ż-Żebbuġ Għawdex. Krew ta’ TVM żar Ħad-Dingli fejn minħabba r-restrizzjonijiet u l-miżuri tal-Coronavirus, il-festa ġiet iċċelebrata b’inizjattivi għall-karità u oħrajn soċjali li ħallew lill-voluntiera żgħażagħ bieżlin xorta waħda biex żammew ħaj l-ispirtu tal-festa ta’ Santa Marija fost il-parruċċani.

Bħalma ġara dan is-sajf wara li nħarġu d-direttivi tal-awtoritajiet biex jitwaqqfu l-festi esterni, f’Ħad Dingli wkoll il-festa kienet limitata u saret skont il-miżuri tal-awtoritajiet tas-saħħa u tal-knisja.

Fil-parroċċa ta’ Ħad Dingli tinħass sew il-preżenza ta’ voluntiera żgħażagħ, b’mod partikolari fl-organizzazioni tal-festa ta’ Santa Marija. Tkellimna ma’ Joel Attard, żagħżugħ ta’ 22 sena li ta’ kull sena jgħin fil-festa. Din is-sena żgħażagħ middew idejhom ukoll biex iċ-ċelebrazzjonijiet jixxandru fuq il-media soċjali.

”Aħna nagħtu kollox minn qalbna. Voluntiera naħdmu ġimgħat sħaħ biex imbagħad f’dawn il-ġimagħtejn inkunu nistgħu ntellgħu festa sabiħa lid-Dinglin kollha…Biex nobdu d-direttivi tal-awtoritajiet tas-saħħa ddeċidejna li mmorru b’mod virtwali, kemm fuq is-social media ta’ Facebook u Instagram biex nilħqu kemm jista’ jkun nies. Ovvjament għandna l-limitazzjonijiet ta’ kemm jistgħu jidħlu nies fil-Knisja, l-attivitajiet tal-massa ma jistgħux isiru, u bis-social media rnexxielna nilħqu iktar nies.”

Il-Knisja ta’ Ħad-Dingli tesa’ 85 persuna u hu għalhekk li l-inizjattiva li ċelebrazzjonijiet jixxandru fuq il-media soċjali niżlet tajjeb ħafna mad-Dinglin li din is-sena wkoll għamlu kif setgħu biex fakkru lil Marija mtellgħa s-sema.

”Il-festa totalment kellha tieħu tifsira differenti din is-sena. Din is-sena bħala parroċċa ħdimna iżjed fuq l-aspetti soċjali tal-festa, forsi dawk l-affarijiet li ssoltu ma jkunux jidhru…Ftakarna f’ħutna l-morda, il-preżenza tal-bastun ta’ San Ġużepp hawnhekk biex isir talb speċjali għal ħutna l-morda u dawk kollha affettwati minn din il-pandemija.”

Fl-aħħar jiem, il-parroċċa ta’ Ħad Dingli ħadet diversi inizjattivi pastorali u ta’ karità. Il-Ħadd li għadda kien hemm inizjattiva ta’ għotja demm mill-parruċċani. It-Tnejn wasal f’Ħad Dingli l-bastun devot ta’ San Ġużepp mir-Rabat għall-qima tan-nies ta’ Ħad Dingli. Din is-sena taħbat il-150 sena ta’ San Ġużepp patrun tal-Knisja universali.

Il-Ħamis li għadda ġie inawgurat proġett ta’ restawr tan-niċċa, l-istatwa u l-pedestall tal-Madonna tar-Rużarju li hi statwa li saret aktar minn 100 sena ilu mill-iskultur Carlo Darmanin. Dan hu wieħed mill-proġetti li l-parroċċa ta’ Ħad Dingli qed twettaq b’ko finanzjament mill-Unjoni Ewropea. Il-Ġimgħa saret quddiesa għad-Dinglin kollha li matul il-pandemija qed jibqgħu jaħdmu u jagħtu servizz essenzjali. Għaliha attendew tobba, infermiera, professjonisti tas-saħħa, pulizija, suldati u ħaddiema tal-protezzjoni ċivili li bħalissa għandhom stazzjon temporanju fl-iskola ta’ Ħad Dingli, u impjegati tal-kunsilli lokali. Huma ngħataw tifkira li ħejjew it-tfal tal-lokalità.

Is-Sibt filgħaxija ġie inawgurat salib ġdid tal-frontispizju li ġie skolpit mill-ġebla tal-qawwi minn barriera f’Għawdex. Għal dan il-proġett għen il-Ministeru tal-Infrastruttura u Proġetti Kapitali.

Wara li lesta l-quddiesa li ta’ kull nhar ta’ Ħadd fix-xahar ta’ Awwissu qed jiċċelebra mill-kappella ta’ Santa Marija Maddalena fuq l-irdum ta’ Ħad Dingli, l-Arċisqof Charles J Scicluna mar isellem lill-komunità Dinglija waqt il-quddiesa solenni tal-festa. Awgura liċ-ċelebrant ewlieni – Monsinjur Louis Camilleri li qed jiċċelebra l-50 anniversarju mill-ordinazzjoni saċerdotali tiegħu – u lill-komunità għall-festa ta’ Santa Marija. L-Arċisof Scicluna ppreżenta wkoll bukkett fjuri lill-istatwa ta’ Santa Marija.