Politika
Id-19-il deputat tal-Grupp Parlamentari tal-PN qalu li f’kull deċiżjoni qed ipoġġu l-interessi tat-tesserati fuq quddiem

Id-19-il deputat tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista qalu li f’kull deċiżjoni li qed jieħdu qed jiżguraw li jpoġġu l-interessi tat-tesserati, tal-Partit kif ukoll tal-pajjiż fuq quddiem.

Tkompli l-istennija għal direzzjoni mill-President tar-Repubblika dwar jekk Dr Adrian Delia huwiex se jibqa’ Kap tal-Oppożizzjoni jew jekk hux se jinħatar xi ħaddieħor minfloku. Intant, id-19-il membru tal-grupp parlamentari tal-Partit Nazzjonalista fi stqarrija qalu li qed jagħtu messaġġ ta’ kuraġġ lil dawk li dejjem taw appoġġ lill-Partit Nazzjonalista u lill-Maltin u l-Għawdxin ta’ rieda tajba.

L-istqarrija kompliet tgħid li matul l-aħħar jiem raw eluf ta’ nies juru t-tama ġdida li l-Partit Nazzjonalista jista’ jkun immexxi minn persuna li tirrappreżenta l-prinċipji u l-valuri li matul is-snin għamlu lill-pajjiżna demokratiku, modern u Ewropew. Id-dsatax-il membru tal-grupp parlamentari tal-Partit Nazzjonalista qalu li qed jaraw, jisimgħu u jħossu wkoll is-sens ta’ inkwiet tat-tesserati dwar is-sitwazzjoni li għaddej minnu l-Partit Nazzjonalista. Sostnew li qed jiżguraw li f’kull deċiżjoni li ħadu u f’kull deċiżjoni li għad iridu jieħdu, ipoġġu dejjem l-interessi tat-tesserati, tal-partit u wkoll tal-pajjiż fuq quddiem nett. Komplew jgħidu li se jibqgħu jinsistu biex isaħħu l-Partit Nazzjonalista u jagħmluh Oppożizzjoni xierqa u b’saħħitha għall-pajjiż.

Id-19-il membru tal-grupp parlamentari tal-Partit Nazzjonalista qalu li għandhom fiduċja sħiħa li l-mekkaniżmu li tipprovdi l-kostituzzjoni ta’ pajjiżna se jwassal biex Therese Comodini Cachia tinħatar mill-President bħala Kap tal-Oppożizzjoni skont l-għażla unanima tad-19-il membru tal-grupp parlamentari tal-partit Nazzjonalista.

Intant, hemm stennija għas-seduta parlamentari ta’ għada, waqt li l-Partit Nazzjonalista se jlaqqa’ l-Kumitat Eżekuttiv it-Tlieta. Għall-President, il-gwida fit-teħid ta’ kwalunkwe deċiżjoni hi l-Kostituzzjoni. Il-partijiet li jikkonċernaw il-kariga ta’ Kap tal-Oppożizzjoni jinsabu f’artiklu 90.